info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Aġġornament għall-membri dwar il-ħidma tal-MUT rigward il-pandemija

January 5, 2021 at 4:13 pm

Aġġornament għall-membri dwar il-ħidma tal-MUT rigward il-pandemija

Għażiż membru,

L-ewwel nett nawgurawlkom l-isbaħ xewqat għas-sena l-ġdida. Grazzi tas-sapport kollu li ttuna matul is-sena, speċjalment f’dan iż-żmien tant partikolari, fejn ix-xogħol tal-MUT jinqasam f’ħafna setturi edukattivi ma’ employers, awtoritajiet, rappreżentanti u ħafna nies oħra li x-xogħol tagħhom huwa imprezzabbli.

Bħalissa x-xogħol tal-MUT rigward il-pandemija qiegħed f’diversi fronti differenti, u xtaqna ntukom ftit togħma ta’ dak kollu li qegħdin naħdmu fuqu.

1) L-MUT qed ikollha diversi laqgħat mal-gvern, u nistgħu nikkonfermaw li l-pjanijiet tal-gvern huma li l-iskejjel tal-Istat jiftħu mill-Ħamis 7 ta’ Jannar bil-miżuri kollha li ttieħdu minn Ottubru ‘l hawn, hekk kif jidher li sal-lum is-sitwazzjoni hija stabbli u simili għal kif kienet qabel il-bidu tal-vaganzi tal-Milied. Dan ifisser ukoll li għandna nibqgħu niġbdu ħabel wieħed sabiex flimkien negħlbu din l-isfida sakemm is-sitwazzjoni taqleb għall-aħjar.

2) L-MUT qed issegwi l-affarijiet mill-qrib mal-awtoritajiet, kemm dawk edukattivi u dawk tas-saħħa, b’laqgħat kontinwi ħalli nifhmu s-sitwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-esperti fid-dawl tal-iżviluppi. Kultant faċli niktbu opinjonijiet iżda bħala union nemmnu li għandna nisimgħu u nixtarru dak li jgħidu l-esperti, partikolarment dawk mediċi, ħalli jittieħdu l-miżuri li hemm bżonn għas-saħħa tagħna, tal-istudenti u s-soċjetà. Jekk is-sitwazzjoni tinbidel, nassigurawkom li l-MUT tkun minn tal-ewwel li titlob li jkun hemm evalwazzjoni mill-ġdid tal-pjanijiet eżistenti, kif għamilna f’Marzu u Settembru li għaddew.

3) Il-union tinsab ukoll f’diskussjonijiet ma’ employers differenti dwar diversi pendenzi li għad m’hemmx qbil fuqhom. L-MUT qed taħdem fuq u twassal ukoll il-ħsibijiet u l-ilmenti li jidħlu ta’ kuljum minn membri individwali.

4) L-MUT qed issegwi u timbotta wkoll fuq il-kwistjoni tar-riżorsi li ġew imwiegħda. Laptops, maskri u apparat bħala amplifikatur għall-vuċi jidhru li għadhom fil-fażi bikrija ta’ distribuzzjoni u l-MUT ssostni li dawn għandhom jitqassmu minnufih ħalli nkunu nistgħu naħdmu bihom għall-ġid tal-istudenti u s-settur.

5) L-MUT qiegħda tinnota wkoll l-iżviluppi tal-virus f’pajjiżi oħra u tifhem li pajjiżi rispettivi qegħdin jieħdu miżuri skont il-mod kif il-pandemija qed tolqothom.

6) Fl-aħħar nett, l-MUT tisħaq li kulħadd, inklużi aħna l-edukaturi, iżda wkoll l-istudenti, il-ġenituri u l-ħaddiema kollha, għandu ikompli jimxi mad-direzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa, inkluż fejn jidħlu swab tests, maskri, distanza soċjali u iġjene. L-MUT temmen li għandna nkunu responsabbli għal xulxin, partikolarment jekk kien hemm min iltaqa’ ma’ persuni li ma jgħixux fl-istess dar matul il-festi.

L-MUT ser tkompli taġġorna lill-membri tagħha skont il-bżonn. Sadattant nawgurawlkom il-ħidma t-tajba.

Comments are closed.