info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Aġġornament dwar it-‘think tank’

May 14, 2020 at 10:08 am

Aġġornament dwar it-‘think tank’

Wara t-twaqqif tat-‘think tank’ mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ilbieraħ, li wasslet għal reazzjoni tal-MUT u l-edukaturi, il-Ministeru kkuntattja lill-MUT sabiex joffri post f’dan it-‘think tank’. Din hija l-pożizzjoni tal-MUT f’dan ir-rigward:

– l-MUT xorta għandha problema bil-mod kif saru l-affarijiet u bil-persuni li ntgħażlu, li għalkemm huma esperti fil-qasam tagħhom, dawn mhumiex rappreżentattivi tal-qasam edukattiv;

– sabiex tindirizza din is-sitwazzjoni, l-MUT ser tkun qed twaqqaf grupp ta’ ħidma simili b’membri b’esperjenza fil-klassi li huma interessati li jikkontribwixxu għal diskussjoni dwar il-futur tal-qasam edukattiv. L-MUT ser toħroġ sejħa għall-membri ta’ dan il-grupp fil-jiem li ġejjin. Iċ-chairperson tal-grupp ser jirrappreżenta lill-MUT fit-‘think tank’ tal-gvern;

– għaldaqstant, l-MUT ser tkun qed taċċetta li jkollha rappreżentant fit-‘think tank’ u permezz taċ-chairperson il-grupp ta’ ħidma ser ikun qiegħed jikkontribwixxi fit-‘think tank’ tal-Ministeru;

– l-MUT lesta li tikkollabora ma’ professjonisti oħra għat-titjib tas-soċjetà tagħna. Biss l-MUT xorta tirriserva d-dritt li tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa jekk dak li jkun qed jiġi propost jaffettwa b’mod negattiv lill-membri tagħha.

Fl-aħħar nett, l-MUT tfakkar lill-Ministeru li bħalissa għaddejjin minn pandemija, bl-effetti drastiċi kollha li qed iseħħu, u tappella sabiex niffukaw fuq il-prijoritajiet l-aktar importanti u meħtieġa fiċ-ċirkostanzi. L-edukaturi jixirqilhom l-aħjar sapport u li jkunu rispettati kull mument.

Comments are closed.