April 18, 2023 at 1:43 pm
In-nasba li tfixkel in-negozjati
L-MUT tinnota li bħalissa għaddejjin negozjati dwar numru ta’ ftehimiet settorjali u kollettivi bejn il-unions il-kbar f’pajjiżna u l-gvern. Bħalma jiġri ta’ spiss dawn iwasslu għal azzjonijiet industrijali. Xi drabi kull min ikollu interess sabiex jiskredita l-union li tkun qed tagħmel azzjonijiet industrijali joħroġ xi informazzjoni li mhux bilfors tkun korretta dwar il-pakkett finanzjarju u l-kundizzjonijiet proposti sabiex tinħoloq pika bejn professjonijiet differenti. Dan sabiex il-pressjoni fuq il-union li tkun qed tinnegozja tiżdied u ċċedi. Din hi nasba li l-professjoni tagħna m’għandhiex tidħol għaliha. L-MUT tirrispetta l-professjonijiet kollha kif ukoll il-unions serji f’pajjiżna. It-talbiet tal-MUT għal kundizzjonijiet aħjar tagħmilhom għaliex temmen fil-ħidma sfiqa tal-gradi li tirrappreżenta u għalhekk mhux ser taqa’ għan-nasbiet intiżi li jqabbdu professjoni ma’ oħra. Inħallu lil min mhux serju sabiex jaqa’, kif għamel diġà, għal dawn in-nasbiet.