info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Il-Ministeru ma jagħmilx distinzjoni bejn il-kurrikulu nazzjonali u s-sillabi – reazzjoni tal-MUT għat-tħabbira tal-Ministru dwar tibdil fil-kurrikulu

December 9, 2021 at 9:27 am

Il-Ministeru ma jagħmilx distinzjoni bejn il-kurrikulu nazzjonali u s-sillabi – reazzjoni tal-MUT għat-tħabbira tal-Ministru dwar tibdil fil-kurrikulu

It-tħabbira tal-Ministru tal-Edukazzjoni nhar it-Tlieta waqt attività, fejn semmiet li l-kurrikulu nazzjonali ser ikun qiegħed jinbidel minħabba l-pandemija, tqajjem ħafna mistoqsijiet. Dan wara li l-istess Ministeru, ftit tas-snin ilu, ma baqax ilaqqa’ l-bord magħruf bħala l-NCF Board, li kien qed iħares u jirrivedi l-implimentazzjoni tal-kurrikulu. Dan il-bord kien ħareġ mill-istess dokument, imsejjaħ “Il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali għal Kulħadd”, li ġie ppublikat fl-2012. Dan il-qafas ġie mniedi b’konsensus nazzjonali, inkluż dak iż-żmien tal-Gvern u l-Oppożizzjoni, it-tmexxija tal-Iskejjel tal-Istat, tal-Iskejjel tal-Knisja, tal-Iskejjel Independenti u l-MUT.

L-imsemmi dokument, li għadu fil-fażi ta’ implementazzjoni fl-iskejjel tant li f’dawn il-jiem għaddej taħriġ dwaru lill-għalliema, ma jeħtieġlu l-ebda tibdil kawża tal-pandemija. Il-kurrikulu huwa dokument ta’ viżjoni fit-tul għall-qasam edukattiv u li jbqa’ fis-seħħ minn leġislatura għall-oħra, minn Ministru għall-ieħor, sabiex joffri stabbiltà fil-qasam edukattiv. Is-settur edukattiv jeħtieġlu stabbiltà waqt, u aktar u aktar, wara pandemija u mhux tibdil bla bżonn. Li l-Ministru tħoss li l-pandemija għandha tibdel il-viżjoni għall-edukazzjoni f’pajjiżna, li skont hi kienet twassal sal-perjodu 2030, hi inkwetanti. L-ebda pandemija ma għandha tibdel l-għanijiet ewlenin tal-edukazzjoni hekk kif minsuġa fil-qafas tal-kurrikulu nazzjonali.

Kultant l-MUT jiġiha dubju jekk min joħlom b’tali tibdil jagħmilx distinzjoni bejn is-sillabi u l-kurrikulu. Il-kurrikulu eżistenti jagħti l-ispazju kollu għal tibdil, hekk kif ġara matul il-pandemija, fejn l-operat tal-iskejjel ġie rivedut. Dan iżda ma fissirx bidla fil-kurrikulu nazzjonali, kif fil-fatt ma seħħx, għaliex il-kurrikulu hu ħafna ‘l fuq mill-operat.

L-MUT tappella lill-Ministeru għall-Edukazzjoni sabiex fl-immedjat jerġa’ jlaqqa’ l-bord tal-kurrikulu, li għadu kompost. Tali diskussjoni għandha ssir f’dan il-bord, fejn hemm dawk kollha intiżi fil-materja, inkluż l-uffiċjali li ħadmu fuq id-dokument oriġinali u l-implimentazzjoni tiegħu. L-MUT tistenna wkoll li kull konsultazzjoni għandha ssir mal-edukaturi.

Comments are closed.