November 21, 2020 at 7:46 pm
L-MUT tawgura lill-Onor. Justyne Caruana u tirringrazzja lill-Onor. Owen Bonnici
Hekk kif tħabbar li l-Onor. Justyne Caruana ser tinħatar Ministru għall-Edukazzjoni, l-MUT tixtieq tawgura lill-Onor. Caruana filwaqt li tħares ‘il quddiem għal ħidma fejjieda fil-qasam edukativ sabiex ikomplu jitħarsu u jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi u jkomplu joffru l-aqwa esperjenza edukattiva lill-istudenti. L-MUT tixtieq tirringrazzja formalment lill-Onor. Owen Bonnici, li sab mill-ewwel għadma iebsa fil-qasam edukattiv minħabba l-pandemija, iżda għaraf li bid-djalogu u bl-azzjonijiet meħtieġa u f’waqthom stajna negħlbu l-isfidi tas-settur matul il-pandemija. L-MUT tawgura li r-relazzjoni tajba li nbniet mal-Onor. Bonnici tkompli tissaħħaħ mal-Ministru Caruana filwaqt li tħares ‘il quddiem sabiex tiltaqa’ mal-Ministru Caruana sabiex dan ikun jista’ jseħħ.