info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Reazzjoni tal-MUT għad-diskorsi fil-Parlament dwar il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

November 4, 2020 at 12:22 pm

Reazzjoni tal-MUT għad-diskorsi fil-Parlament dwar il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

L-MUT tagħmel referenza għad-diskorsi fil-Parlament aktar kmieni llum relatati mal-estimi tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u qed tieħu xi spunti minnhom sabiex tagħti r-reazzjoni tagħha.

L-MUT tieħu nota tax-xogħol li qiegħed isir mill-Ministeru u tieħu gost li proposti tagħha qegħdin jiġu attwati, fosthom l-ewwel skola virtwali, li ħarġet mid-diskussjonijiet estensivi li saru, u l-ħlas waqt it-teaching practice, li wkoll kienet proposta tal-MUT matul is-snin. L-MUT tisħaq li din l-iskola virtwali għandha issa tibda ħalli l-istudenti li ser ikunu qegħdin jattendu jkomplu bit-tagħlim tagħhom online. Dan ser isir minn edukaturi ddedikati li minħabba ċ-ċirkustanzi ta’ vulnerabbiltà ma jistgħux jattendu b’mod fiżiku fl-iskejjel. Din id-deċiżjoni tixhed ukoll kemm l-MUT m’hijiex kontra t-tagħlim online, imma li dan għandu jsir bi ħsieb ħalli ma jkasbarx il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Rigward it-teaching practice, l-MUT ilha snin tisħaq li din hija miżura importanti ħalli ma taqtax qalb studenti li jkunu qegħdin jagħmlu kors l-Università speċjalment l-ispejjeż kbar li jkun hemm biex wieħed jibni r-riżorsi tal-klassi għall-ewwel darba.

L-MUT tirreferi wkoll għan-numru ta’ skejjel ġodda u estensjonijiet li qegħdin jinbnew, u tieħu nota tax-xogħol tajjeb li qiegħed isir. Huwa importanti li jkun hemm investiment fl-infrastruttura tal-iskejjel ħalli dejjem jibqgħu immodernizzati u mtejba. Biss l-MUT tisħaq li għandu jkun hemm aktar enfażi wkoll fl-iskejjel eżistenti, partikolarment dawk antiki li għandhom bżonn ta’ manutenzjoni u xogħolijiet sabiex joqorbu lejn l-istandard ta’ dawn l-iskejjel il-ġodda. Sakemm dan ma jsirx qed ikollna distakk bejn skejjel ġodda u sbieħ fuq naħa, u skejjel oħra li jidhru li ġew minsija għal snin sħaħ.

Fl-aħħarnett, l-MUT taqbel mal-oppożizzjoni li waħda mill-problemi l-kbar fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol hija l-eżodu fil-management fejn hemm nuqqas kbir ta’ nies fit-tmexxija fid-Direttorati. Il-problema hija waħda serja u qiegħed jinħoloq distakk akbar bejn il-management u l-edukaturi. Ma’ dan l-MUT żżid li, minħabba nuqqas ta’ għarfien, direzzjonijiet li joħorġu xi drabi ma jkunux ċari u jħallu lok sabiex jiġu interpretati b’modi differenti. B’hekk tinħoloq konfużjoni u ċertu kunflitti fl-iskejjel li jistgħu faċilment jiġu evitati, partikolarment waqt pandemija. L-MUT għandha d-dmir li tkompli telenka d-diffikultajiet, l-isfidi u n-nuqqasijiet, iżda bħalma wriet bil-fatti kemm-il darba ser tkompli toffri s-soluzzjonijiet lill-Ministeru sabiex il-qasam edukattiv ikompli jitjieb u jibqgħu jitħarsu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi anki fil-perjodu diffiċli tal-pandemija.

Comments are closed.