info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Direttivi għall-edukaturi b’mod immedjat

October 12, 2020 at 5:17 pm

Direttivi għall-edukaturi b’mod immedjat

Id-diskussjonijiet mal-awtoritajiet u mal-employers differenti għadhom għaddejjin sabiex fejn jista’ jkun jinstab qbil aċċettabbli għall-membri li bih l-edukazzjoni tkun tista’ tkompli bl-aktar mod responsabbli u ta’ kwalità. Fil-fatt din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn il-union għadha ma esprmietx ruħha fuq diversi temi li taf li l-membri tagħha qed jistennew tweġiba b’ħerqa. Huwa faċli li tmaqdar u tgerger biss, imma l-MUT mill-bidu tal-eżistenza tagħha dejjem ħadmet qatigħ sabiex fejn hu possibbli toffri u tiddiskuti soluzzjonijiet qabel tittieħed deċiżjoni aħħarija minn min iħaddem.

Biss, l-MUT qegħdha toħroġ dan l-ewwel sett ta’ direttivi sabiex tagħti direzzjoni ċara lill-edukaturi f’diversi sitwazzjonijiet, partikolarment dwar is-saħħa u s-sigurtà, u anki fuq issues edukattivi u kundizzjonijiet tax-xogħol li dwarhom m’hemmx qbil.

Direttiva 1 – Użu tal-maskri/visors: Kull min hu obbligat li jilbes maskra/visor skont il-protokolli tas-saħħa jrid jilbisha. Għaldaqstant edukatur għandu d-direzzjoni li joħroġ mill-kamra jekk ikun hemm xi ħadd li jirrifjuta li jilbisha, kemm jekk adult jew student, u jirraporta skont il-proċeduri tal-iskola. F’każ ta’ student l-edukatur jista’ jiddeċiedi wkoll li dan ma jitħalliex jidħol fil-klassi qabel ma jilbisha.

Direttiva 2 – L-indafa: L-MUT tirrikonoxxi li l-indafa hija waħda mill-aktar prijoritajiet importanti waqt din il-pandemija u tirringrazzja lill-edukaturi, inkluż SMT, li tant ħadmu fis-sajf u fl-ewwel jiem tas-sena skolastika sabiex jieħdu ħsieb li l-iskola jkollha biżżejjed riżorsi u li tkun nadifa. Madankollu l-MUT kellha diversi rapporti ta’ nuqqas ta’ ndafa. F’dal-każijiet l-MUT qiegħedha tagħti direzzjoni lill-edukaturi sabiex joħorġu minn klassijiet u kmamar li m’għandhomx standard aċċettabbli ta’ ndafa.

Direttiva 3 – L-indafa (2): Apparti dan, f’każ ta’ persuna (kemm adulta jew student) li jħossu ma jiflaħx, l-MUT qed tagħti direttiva sabiex ħadd ma jagħmel replacement qabel ma’ l-klassi tiġi mnaddfa skont il-gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Direttiva 4 – Dħul fl-iskola: Kull edukatur għandu d-direzzjoni li ma jidħolx fil-bini tal-iskola sakemm ma titteħidlux it-temperatura jew jekk ma jsibx sanitizer u riżorsi neċċessarji għall-indafa kif suppost skont il-proċeduri li nħolqu mill-awtoritajiet. Huwa inutli li jinħolqu r-regoli fuq il-karta imma mbagħad ma jkunx hemm ir-riżorsi inkluż umani biex dawn jiġu implimentati.

Direttiva 5 – Distanza soċjali: Apparti l-użu tal-maskri u l-indafa, id-distanza soċjali hija importanti wkoll u l-protokolli tas-saħħa f’dan ir-rigward iridu jiġu segwiti. Għaldaqstant edukaturi li jiltaqgħu ma sitwazzjonijiet li d-distanza soċjali m’hijiex qed tiġi mħarsa, kemm jekk fil-klassi, staffrooms jew kmamar oħra, għandhom joħorġu, jirrapurtaw minnufih dan il-ksur tal-protokoll u jmorru f’postijiet fejn jistgħu isegwu b’mod adegwat din il-miżura.

Direttiva 6 – Replikazzjoni tax-xogħol: Edukatur li qiegħed jagħti l-ġurnata tiegħu l-iskola ma jistax jiġi mġiegħel jerġa’ jibda l-ġurnata online kif jasal id-dar ma’ studenti li m’attendewx fiżikament. Din qatt ma ġrat u l-MUT m’hijiex ser taċċetta li min iħaddem jgħaddi romblu fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol, partikolarment meta l-edukaturi minn dejjem għamlu xogħol ieħor mid-dar inkluż preparamenti ta’ lezzjonijiet. L-MUT m’hijiex kontra t-tagħlim online jew kontra li l-istudenti li ma jattendux l-iskola jingħataw xi tip ta’ lezzjonijiet. Iżda jekk l-awtoritajiet jixtiequ joffru dan it-tip ta’ servizz għandhom isibu soluzzjonijiet alternattivi. Għaldaqstant l-MUT qed tagħti direzzjoni lill-edukaturi sabiex jekk qed jaħdmu fiżikament fl-iskola ma jirreplikawx ix-xogħol tagħhom online wara l-ħin tal-iskola. Dan jinkludi materjal imtella’ online, inkluż homework u classwork, biex ikun aċċessibbli għall-istudenti li mhux qed jattendu.

Direttiva 7 – Irrekordjar ta’ lezzjonijiet: Sakemm ma jinstabx qbil dwar parametri aċċettabbli mal-MUT, l-ebda rrekordjar ta’ lezzjonijiet m’għandu jsir, ħlief għal lezzjonijiet ta’ Teleskola fejn edukaturi mlew l-espressjoni ta’ interess sabiex jagħtu dan is-servizz.

Direttiva 8 – Live streaming ta’ lezzjonijiet fil-klassi: L-MUT esprimiet ruħha kemm-il darba b’mod favorevoli rigward it-tagħlim online. Biss, għal diversi raġunijiet validi li l-MUT diġà semmiet, il-union ma taqbilx ma’ live streaming ta’ lezzjonijiet li qed iseħħu bl-istudenti fil-klassi (kultant dawn huma msejħa PR – Physical Remote). Għaldaqstant l-edukaturi għandhom id-direzzjoni li jirrifjutaw dan it-tip ta’ arranġament. L-MUT m’hi ser taċċetta l-ebda pressjoni fuq għalliema biex jiġu sfurzati jiffirmaw petizzjoni ħalli jiġu mġiegħla jaħdmu b’dan il-mod.

Direttiva 9 – LSEs ma jagħmlux replacement: L-MUT hija infurmata li hemm skejjel li qegħdin iqabbdu LSEs sabiex dawn jieħdu klassi bħala replacement meta ma jkunx hemm għalliem disponibbli jew inkella jiġu mġiegħla joqgħodu ma nofs il-klassi sakemm in-nofs l-ieħor għandhom lezzjoni. Dan m’huwiex parti mix-xogħol ta’ LSE u għaldaqstant l-edukaturi kollha f’dan il-grad għandhom id-direzzjoni li ma jaċċettawx dan it-tip ta’ xogħol.

Direttiva 10 – LSEs bi studenti li ma jattendux l-iskola: Id-diskussjonijiet dwar x’ser jiġri meta LSEs ikollhom student jew studenti li m’attendewx l-iskola għadhom għaddejjin. Għaldaqstant, dawn l-LSEs huma miltuba jissapportjaw l-istudenti li għandhom fil-klassi biss u ma jagħmlu ebda xogħol online sakemm jintemmu dawn id-diskussjonijiet.

Direttiva 11 – ‘Schemes of work’ lill-ġenituri: L-edukaturi, inkluż għalliema u KGEs, m’għandhomx l-obbligu li jipprovdu dak li qed jissejjaħ ‘forecast’ jew ‘scheme of work’ lill-ġenituri. Dan qatt ma kien parti mill-ebda diskussjoni jew ftehim u l-MUT tisħaq li m’għandhomx jidħlu prattiċi ġodda bl-iskuża li qegħdin f’ċirkostanzi straordinarji.

Direttiva 12 – Leave tal-mard: Wara każijiet li l-MUT iltaqgħet magħhom, il-Union tagħmilha ċara li l-ebda edukatur m’għandu jkun obbligat li jaħdem, per eżempju jibgħat xogħol għall-istudenti, meta dan ikun fuq leave tal-mard (sick leave). Filwaqt li waqt leave tal-kwarantina wieħed mistenni li jkompli b’xogħol mid-dar, leave tal-mard għandu jkun kif dejjem kien, jiġifieri li ħaddiem ma jkunx xogħol waqt li hu marid. Għaldaqstant l-edukaturi għandhom jirrifjutaw xogħol waqt li qegħdin bis-sick leave.

Dawn id-direttivi bl-ebda mod m’huma intiżi li jolqtu b’mod ħażin lill-istudenti, partikolarment dawk vulnerabbli. L-MUT temmen li għandhom jinstabu metodi alternattivi ta’ kif dawn l-istudenti l-aħjar li jintlaħqu mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi li diġà qegħdin jagħtu l-kontribut massimu tagħhom kif mitlub minnhom mill-employer.

Comments are closed.