info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Edukatur li jersaq lejn l-uffiċċju tal-“Ombudsman” tal-MCAST ikun qed jirriskja – L-MUT toġġezzjona u twissi

August 3, 2018 at 9:45 am

Edukatur li jersaq lejn l-uffiċċju tal-“Ombudsman” tal-MCAST ikun qed jirriskja – L-MUT toġġezzjona u twissi

L-MUT qed toġġezzjona għal deċiżjoni mgħaġġla li ttieħdet mit-tmexxija tal-MCAST fejn, kif ġie kkomunikat lill-impjegati u l-istudenti ftit tal-jiem ilu, l-MCAST waqqaf uffiċċju msejjaħ tal-“Ombudsman” u ħatar persuna li tokkupa grad ogħli fit-tmexxija tal-MCAST bħala “Ombudsman”. Din id-deċiżjoni tqajjem diversi mistoqsijiet, partikolarment dwar jekk l-istruttura li twaqqfet hix konformi mal-leġislazzjoni li tirregola kemm l-istess MCAST u kif ukoll l-uffiċċju Nazzjonali tal-Ombudsman li jinkludi Ombudsman għall-Edukazzjoni li diġà għandu il-mandat sabiex jinvestiga sitwazzjonijiet fis-settur post-sekondarju u terzjarju inkluż l-Università u l-MCAST.

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-MUT ikkomunikat mat-tmexxija tal-MCAST fejn oġġezzjonat għal din il-ħatra u sostniet li l-uffiċċju li ġie mwaqqaf għandu rwol ta’ investigatur, prosekutur u eżekutur tad-deċiżjonijiet li żgur m’huwiex konformi ma’ l-ebda rwol ta’ Ombudsman jew uffiċċju ta’ ‘grievances’. Għaldaqstant l-MUT tistaqsi kif dan l-imsejjaħ “Ombudsman” ser ikollu l-indipendenza u l-awtonomija sabiex jinvestiga, u s-serenità sabiex jiddeċiedi dwar il-każijiet imressqa quddiemu, meta mhux biss huwa parti mit-tmexxija tal-MCAST imma huwa wkoll impjegat tal-istess Kulleġġ. Dan imur kontra kull spirtu u għan li għalih jinħatar Ombudsman.

Dan kollu, speċjalment il-fatt li dan l-uffiċċju m’huwiex awtonomu mill-MCAST peress li hu mmexxi minn uffiċjal ogħli fit-tmexxija tal-MCAST, juri b’mod ċar li l-ebda impjegat ma jista’ jkollu fiduċja f’din l-istruttura fejn kull ma jingħad jista’ jintuża mill-istess uffiċċju kontra l-individwu. Dan il-kunflitt fl-istruttura jista’ saħansitra jwassal għal passi dixxiplinarji kontra individwu li jressaq każ quddiem l-uffiċċju u li saħansitra jista’ jwassal għal telf ta’ mpjieg jekk dak li jingħad jintuża kontra l-impjegat. Min-naħa tagħha t-tmexxija tal-MCAST iġġustifikat id-deċiżjoni mal-MUT fejn saħqet fi ftit kliem li l-bord tal-Gvernaturi tal-MCAST jista’ jagħmel li jrid. L-MUT temmen li kemm din l-attitudni lejn oġġezzjoni leġittima tal-MUT u kif ukoll din id-deċiżjoni mgħaġġla li ttieħdet ma tawgurax tajjeb lit-tmexxija tal-MCAST. L-MUT ser tibqa’ tkompli ssostni l-argumenti tagħha kontra din id-deċiżjoni filwaqt li twissi lill-membri tagħha sabiex ma jikkoperawx mal-uffiċċju hekk imsejjaħ tal-“Ombudsman” tal-MCAST.

Comments are closed.