info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
CRPD b’informazzjoni falza bi skop qarrieqi u theddid lill-edukaturi

June 25, 2018 at 12:19 pm

CRPD b’informazzjoni falza bi skop qarrieqi u theddid lill-edukaturi

L-MUT tagħmel referenza għal dak li ġie rrappurtat minn sezzjonijiet tal-midja fejn il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) saħqet li l-MUT għad għandha direttivi li ilhom fis-seħħ snin dwar l-użu tal-jacuzzi fiċ-ċentru tar-Riżorsi Helen Keller. Dan wara li aktar kmieni din is-sena l-istess Kummissjoni għamlet mandat fil-konfront tal-MUT u li wassal sabiex ingħatat sentenza fil-qorti li imponiet li jidħlu fis-seħħ miżuri ta’ saħħa u sigurtà għal kull min jagħmel użu mill-imsemmi jacuzzi. Din is-sentenza fil-fatt ikkonfermat dak li kienet tisħaq l-MUT dwar l-użu tal-jacuzzi u għaldaqstant ma kienx hemm aktar ħtieġa ta’ direttivi li jipproteġu lill-edukaturi u l-istudenti li jagħmlu użu mill-faċilità.

Jidher, iżda, li l-Kummissjoni għadha m’aċċettatx li l-MUT ingħatat raġun permezz tas-sentenza tal-qorti u qed tagħti informazzjoni falza u qarrieqa lil-sezzjonijiet tal-midja sabiex tagħmel ħsara lill-MUT u lill-membri tagħha. Waqt li qed tagħmel dan, il-Kummissjoni qed terġa’ wkoll thedded b’azzjonijiet legali fil-konfront tal-MUT u l-membri tagħha.

Filwaqt li l-MUT ser iżżomm lill-istess Kummissjoni responsabbli għall-ħsara li tista’ tikkawża lill-membri tagħha, l-MUT mhix ser tiġi intimidata minn ħadd u ser tibqa’ taħdem sabiex l-interessi tal-membri tagħha u tal-istudenti li jissapportjaw jiġu mħarsa. Huwa ta’ għib li l-istess Kummissjoni, li tgħid li għandha daqstant għal qalba l-istudenti b’diżabilità tinfexx f’attakki fuq l-edukaturi, b’mod partkolari il-Learning Support Educators, li jagħmlu tant ġid permezz tal-ħidma sfieqa tagħhom mal-istess studenti b’diżabilità.

Comments are closed.