info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Żviluppi fil-frattarija tal-Ministeru tal-Edukazzjoni – attentat ta’ sarima mal-edukaturi u l-MUT

September 27, 2021 at 10:25 am

Żviluppi fil-frattarija tal-Ministeru tal-Edukazzjoni – attentat ta’ sarima mal-edukaturi u l-MUT

Wara li ilna xhur nisimgħu lill-Ministeru tal-Edukazzjoni jgħid li għandu kollox ippreparat għall-ftuħ tas-sena skolastika, u wara l-insistenza mill-MUT mal-Ministeru sabiex dan il-pjan ikun magħruf u diskuss, il-Ministeru tal-Edukazzjoni nkixef bil-fatti fi tmiem il-ġimgħa hekk kif ġie kkonfermat li numru sostanzjali ta’ klassijiet fil-primarja jinsabu mingħajr għalliem. F’paniku li ddomina l-aħħar jiem, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħareġ transfers lil numru kbir ta’ għalliema li jagħtu servizzi lill-istudenti u li jinkludu għalliema speċjalizzati fil-litteriżmu, sapport kumplimentari, sapport lill-studenti neqsin mis-smigħ, sapport lill-istudent fin-nurture class, sapport fl-isptarijiet u speċjalisti fis-suġġetti, fost l-oħrajn. Dawn l-għalliema, li ilhom ix-xhur jisimgħu b’dan is-suppost pjan li kien lest, sabu email jew irċevew telefonata nhar is-Sibt li għadda sabiex jordnawlhom li mil-lum stess jinsew is-servizz li huma speċjalizzati fih u minflok jirrapportaw għax-xogħol fi skola oħra sabiex jieħdu klassi tal-primarja.

Kif mistenni, eżerċizzju massiv bħal dan, li hu stmat li jista’ jinvolvi sa 150 klassi mingħajr għalliem, wassal għal rabja u diżappunt kbir fost l-għalliema, li rrikorrew għand l-MUT għall-għajnuna. L-MUT kienet diġà ddikjarat tilwima industrijali mal-Ministeru kif bdiet tara li l-informazzjoni li qed tasal mill-Ministeru tal-Edukazzjoni mhix taqbel ma’ dik li qed tasal mill-iskejjel, ċoè dwar il-kobor tal-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema fil-primarja. L-MUT, għaldaqstant, matul dan il-weekend ħarġet direttiva lill-għalliema involuti sabiex tipproteġi l-interessi tagħhom, la ma kien hemm l-ebda possibiltà li l-Union tiddiskuti u/jew toġġezzjona mal-Ministeru dwar il-każijiet li resqu għandha.

Illum nistgħu nikkonfermaw b’mod ċar li t-transfer ta’ grupp kbir ta’ għalliema nhar is-Sibt kien intenzjonat biex kemm l-għalliema affettwati u anki l-MUT li tirrappreżentahom ma tkun tista’ tagħmel xejn ħlief li taċċetta kull inġustizzja f’dan l-eżerċizzju. Informazzjoni li qed tasal għand l-MUT matul dawn is-sigħat turi li l-Ministeru daħħal mandat ta’ inibizzjoni kontra l-MUT fil-qorti sabiex ixekkel lill-Union milli tħares l-interessi tal-edukaturi. Dan l-aġir deplorevoli mill-Ministeru huwa sintomatiku tat-tmexxija oppressiva li lesta tagħmel inġustizzji mal-għalliema, lesta teqred servizzi sħaħ b’eluf ta’ studenti mingħajr sapport u li lesta tagħmel minn kollox biex tgħatti l-ingann li ppruvat tbigħ meta sostniet li kollox kien lest għall-ftuħ tas-sena skolastika. Il-Ministeru ma jitgħallimx, u minflok ir-rimedji ta’ preparazzjoni, djalogu u konċiljazzjoni jagħżel il-mod li bih jaħseb li ser jagħmel sarima mal-edukaturi u mal-MUT. Dan minkejja li fil-passat għamel mandati kontra l-MUT u tilifhom.

L-MUT mhux ser tkun intimidata minn dan l-aġir oppressiv tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u ser tkompli tħares l-interessi tal-edukaturi, kemm fil-qorti u kullimkien.

Comments are closed.