info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
X’tgħallimna mill-każi ta’ dawn l-aħħar jiem

May 17, 2019 at 12:49 pm

X’tgħallimna mill-każi ta’ dawn l-aħħar jiem

Fil-jiem li għaddew kellna żewġ każijiet li wrew li għad fadal ħafna x’naqdfu fil-qasam edukattiv, kemm mil-lat ta’ policy u anki fejn jidħlu komunikazzjoni u rispett. Dawn huma xi ftit ħsibijiet li l-MUT tixtieq taqsam mal-membri.

Sigurtà fl-iskejjel: l-MUT ilha għal snin twal tisħaq li hemm bżonn tiżdied is-sigurtà. Każ wara l-ieħor dejjem ningħataw raġun u ma jistax ikun li Gvernijiet wieħed wara l-ieħor jibqgħu jinjoraw din is-sitwazzjoni li dejjem qed tiggrava. Irrispettivament minn min għandu raġun, il-każ tal-LSE fil-jiem li għaddew ma kienx iseħħ kieku kien hemm sigurtà taħdem sew fl-iskola. Lanqas ma kien ikun hemm bżonn isir dak is-sinjal fuq is-siġġu biex jiġbed l-attenzjoni dwar regola li diġà kienet teżisti qabel, jiġifieri li l-ebda adult ma jista’ jidħol fl-iskola mingħajr permess. U l-MUT tagħmilha ċara – dan ma jseħħx għax l-iskola għandha xi ħaġa x’taħbi, kif qiegħed jiġi implikat, iżda għax inkella jkun hemm rebus sħiħ fl-iskola ta’ persuni mhux identifikati jduru fil-klassijiet bil-konsegwenzi kollha li jistgħu jinqalgħu inkluż vjolenza fuq l-edukaturi u l-istudenti kif rajna fix-xhur u s-snin li għaddew. Sigurtà adegwata ma ssolvix kollox iżda hija pass importanti.

Nota oħra importanti l-MUT tixtieq iżżid hi li l-Union bl-aktar mod responsabbli ma ħargitx id-dettalji tal-każ biex ma tkomplix tesponi lit-tifel konċernat. Biss dawn qeghdin għand l-awtoritajiet inkluż id-Direttorat rispettiv. Kif dejjem għedna, l-affarijiet għandhom jimxu skont proċeduri stabbiliti u mhux billi wieħed jipprova jżid il-‘likes’ li jkollu fuq il-media soċjali. Għaldaqstant l-MUT ser tkompli taħdem fuq il-każ flimkien mal-awtoritajiet.

Cyber-bullying fuq l-edukaturi: l-MUT tinnota li aktar ma jgħaddi żmien, posts fuq il-media soċjali u l-kummenti minn terzi li dawn jattiraw qiegħed ikollhom impatt negattiv kemm fuq l-edukaturi b’mod personali u anki fuq l-edukazzjoni. B’mod partikolari fuq għalliema u LSEs, id-diskussjoni pubblika fuq il-media soċjali hija waħda irresponsabbli li tippromwovi intimidazzjoni, attakki u vjolenza verbali. Din toħloq u żżid fuq it-tensjoni li l-edukaturi diġà jkollhom dwar ix-xogħol tagħhom u żżid l-ansjetà u l-biżà li jispiċċaw fuq Facebook għal kull ħaġa ta’ xejn. Li tmur bid-dettalji personali fil-media soċjali mal-ewwel ċans forsi saret normali, imma ma jfissirx li din hija xi ħaġa tajba. Anzi.

Fejn joħodna dan kollu?

L-MUT temmen li jrid ikun hemm numru ta’ policies li jidħlu fis-seħħ, kemm dwar sigurtà fl-iskejjel, dwar cyber-bullying u anki proċeduri ċari u tondi li għandu jkun hemm f’każi fejn ġenitur ikollu problema jew jixtieq aktar informazzjoni. Biex ngħidu kollox ħafna skejjel diġà għandhom policies ta’ dan it-tip, iżda ħafna drabi ma jkollhomx ir-riżorżi biex jattwawhom bis-sħiħ. Għaldaqstant l-MUT terġa’ tappella mal-awtoritajiet sabiex is-sigurtà fl-iskejjel ma tibqax tiġi injorata u noqgħodu nistennew każ gravi ieħor li għad jista’ jiġi evitat.

Apparti dan kollu l-MUT temmen li b’aktar għaqal minn kulħadd nevitaw li mmorru fi sqaqien li jidher li mexjin lejhom. Irridu nifhmu lil xulxin aktar, nuru aktar rispett, nittolleraw lil xulxin anki jekk ma naqblux, nistaqsu u nitgħallmu minn xulxin. Mingħajr ir-rieda bażika li kulħadd jirrispetta lil xulxin ma nistgħux inkomplu nibnu dak kollu li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għall-edukazzjoni tat-tfal li ser isawru s-soċjetà tagħna fis-snin li ġejjin.

Comments are closed.