info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Tweġiba lill-Orizzont u Inews rigward l-Att dwar l-Edukazzjoni

November 4, 2019 at 12:58 pm

Tweġiba lill-Orizzont u Inews rigward l-Att dwar l-Edukazzjoni

Din hija tweġiba għall-artiklu li deher illum fil-gazzetta L-Orizzont u Inews (li tinqara HAWN):

L-MUT tinnota l-informazzjoni qarrieqa li nxterdet matul tmiem il-ġimgħa mal-edukaturi dwar il-kontenut tal-Att il-ġdid dwar l-Edukazzjoni u l-proposta għad-diskussjoni li għamlet ftit tal-jiem ilu l-MUT. Wara li sena ilu l-MUT kienet iddikjarat tilwima industrijali mal-gvern u ordnat azzjonijiet dwar il-kontenut tal-att propost, kien hemm dikjarazzjoni ċara dak iż-żmien mill-Ministeru tal-Edukazzjoni li l-klawżoli kontenzjużi ser jitneħħew u dan ġara hekk kif l-Att dwar l-Edukazzjoni kien ippreżentat fil-Parlament mingħajr l-imsemmija klawżoli.

Barra minn hekk l-MUT ressqet diversi emendi oħra skont feedback li rċeviet dwar l-att sabiex ċertu klawżoli jkunu ċari u sabiex tissalvagwardja l-interessi tal-edukaturi. Dawn ġew milqugħa kollha mill-kumitat Parlamentari fejn l-MUT kienet preżenti. Dan wassal sabiex l-Att il-ġdid tal-Edukazzjoni ġie approvat b’vot kemm mill-gvern u kif ukoll mill-Oppożizzjoni.

Għaldaqstant kull dubju li qed jintefa’ f’dan l-istadju mhu xejn ħlief attentat sabiex tingħata stampa qarrieqa għall-gwadann ta’ xi wħud. Dwar dan l-aspett l-MUT tirreferi għal dak li ġie kkwotat jgħid John Bencini, li llum jokkupa l-kariga ta’ chairperson tal-MCESD li saħaq li “qed titħejja liġi li possibilment l-għalliema mal-Gvern ma jibqgħux aktar marbuta mas-servizz pubbliku”. L-MUT tfakkar li l-provediment fil-liġi qiegħed diġà hemm u ddaħħal fl-2006 meta s-Sur Bencini kien President tal-MUT. Dan il-provvediment li qed jiġi inkluż hawn taħt wassal sabiex infetħu numru ta’ entitajiet mill-Ministeru u l-gvern. Dawn jinkludu l-FES, l-Aġenzija Żgħażagħ, l-FTS u aktar riċentement l-Institute for Education.

Dwar il-proposta tal-MUT imsejħa Malta Education, l-MUT qed tiġbor il-feedback tal-membri tagħha f’dawn il-jiem sabiex tara jekk għandhiex tagħmel proposta lill-Ministeru, sabiex jekk tintlaqa’ tkun teħtieġ diskussjonijiet wiesgħa. L-MUT issostni li f’dan l-istadju ta’ diskussjoni, il-fehmiet kollha ser jiġu kkunsidrati iżda tikkundanna lil min qed jipprova jieħu kapital personali permezz ta’ informazzjoni qarrieqa li hi ta’ detriment għall-qasam edukattiv kollu. L-MUT tassigura li l-kundizzjonijiet tax-xogħol li nkisbu matul is-snin mill-istess MUT, inkluż dawk tal-ħinijiet, mhumiex negozzjabbli.

Fil-liġi preżenti (L-Att Dwar L-Edukazzjoni) klawsola 131 tgħid hekk: “Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Att jew ta’ xi liġi oħra, il-Prim Ministru jista’ b’Ordni fil-Gazzetta jwaqqaf entijiet oħra, inkluż dawk l-aġenziji, direttorati, dipartimenti, jew istituzzjonijiet oħra edukattivi skont kif jidhirlu meħtieġ għall-aħjar kwalità u provvista ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u taħriġ fil-pajjiż u il-Prim Ministru jista’ wkoll b’Ordni fil-Gazzetta jikkostitwixxi xi entità mwaqqfa bis-saħħa ta’ dan l-Att f’korp magħqud bil-personalità ġuridika u distinta tiegħu, u l-Prim Ministru għandu f’każ bħal dan, permezz ta’ regolamenti, jipprovdi għal kull materja li tkun meħtieġa għat-tmexxija effettiva tal-entità msemmija fl-Ordni relattiva.”

Comments are closed.