info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Stqarrija: Is-sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ laptops għall-edukaturi fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja – direttivi mħabbra

April 29, 2021 at 2:34 pm

Stqarrija: Is-sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ laptops għall-edukaturi fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja – direttivi mħabbra

Ilkoll nafu kemm l-edukaturi għandhom bżonn laptops adegwati fi żmien meta t-tagħlim online, flimkien ma’ ħafna xogħol b’din l-għodda teknoloġika, huma essenzjali. L-MUT saret tisma’ regolarment dwar membri b’sitwazzjonijiet varji fejn m’għandhomx biex jaħdmu jew inkella qed spiċċaw jillapazzaw b’apparat antik jew li ma jaħdimx sew. Is-sitwazzjoni ma tistax tiġi deskritta ħlief tal-mistħija, fejn il-Ministeru ilu jwiegħed min-Novembru li għadda li ser jibda t-tqassim imma s’issa għad m’hemm l-ebda ħjiel tanġibli ta’ dan. Kien hemm biss informazzjoni kunfliġġenti, wegħdiet li ser jintbagħtu skedi tat-tqassim li ma kienu skedi xejn, u ħafna skużi oħra mhux aċċettabbli bil-ħmar iwaħħal f’denbu. 

Sadattant l-MUT kienet ukoll proattiva. Ħadet l-inizjattiva li tiġbor informazzjoni minn membri li għandhom xi ħsarat sabiex id-dipartiment ikun jista’, għallinqas b’mod temporanju sakemm jaslu l-laptops il-ġodda, jiġu rranġati dawk li għandhom bħalissa. Ħafna edukaturi b’dawn il-ħsarat għadhom lanqas ġew ikkuntattjati. 

Apparti s-sitwazzjoni fl-iskejjel tal-Istat, wieħed ma jistax ma jinnotax ukoll dak li għaddejjin minnu l-edukaturi fl-iskejjel tal-knisja fejn ħafna għandhom laptops antikwati li ilhom jiġu użati, f’ċertu każi, aktar minn għaxar snin. Fil-każ tal-iskejjel independenti, mbagħad, is-sitwazzjoni hija differenti f’kull skola u qed tiġi evalwata separatament. 

L-MUT ser tibqa’ tagħmel pressjoni sakemm din is-sitwazzjoni tiġi solvuta kif jixraq. Dan għaliex flok kliem fieragħ rigward kemm intilfet edukazzjoni minħabba pandemija dinjija li ħadd ma kellu kontroll fuqha, il-gvern għandu jiżgura li ma tintilifx edukazzjoni u ma jsirux bsaten fir-roti minħabba dan it-tip ta’ traskuraġni li jista’ jiġi evitat. 

Fiċ-ċirkustanzi l-MUT m’għandha l-ebda triq oħra ħlief li toħroġ dawn l-ewwel sett ta’ direttivi għall-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja, li jidħlu fis-seħħ minn għada l-Ġimgħa 30 t’April: 

  • Ma jsirux attendenzi; 
  • Ma jsirx ticking tal-LOs; 
  • Ma jsirux CoPE (PD) sessions. 

L-MUT tirriserva d-dritt li tieħu passi ulterjuri skont il-bżonn. 

Comments are closed.