October 22, 2019 at 10:57 am
L-MUT tressaq protest ġudizzjarju fil-konfront tal-UPE fi ħdan il-Union Ħaddiema Magħqudin Voice of the Workers
L-MUT ilha x-xhur tiġi mxekkla mill-ħidma tagħha fl-iskejjel tal-Istat u tal-knisja wara li l-UPE, fi ħdan il-Union Ħaddiema Magħqudin Voice of the Workers, bdiet tindaħal f’materji ta’ natura kollettiva u ttellef minn negozjati li jkunu għaddejjin. L-MUT dejjem ħarset l-interessi tal-membri tagħha u tas-settur kollu u qagħdet lura milli tirreaġixxi għall-attakki kontinwi fuq l-MUT u l-uffiċjali tagħha, ħafna drabi anki personali.
L-MUT għaldaqstant temmen li ma tistax toqgħod taħli ħin f’battibekki inutli li ma jagħmlu ġid lil ħadd iżda li jtellfu l-ħidma favur l-edukaturi u kontra kull min jipprova jkasbarhom. Madankollu l-MUT ma tistax tibqa’ siekta fid-dawl tad-direttivi kollettivi maħruġa mill-UPE fi ħdan il-Union Ħaddiema Magħqudin Voice of the Workers, b’indħil dirett fuq materji kollettivi li m’humiex fil-kompetenza tagħhom.
Wieħed irid jifhem li unions differenti ma jistgħux jaqbdu u jagħmlu direttivi kollettivi kif iridu u b’konsegwenza t’hekk joħolqu konfużjoni fil-post tax-xogħol. Dan għaliex il-liġijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent tat-trade unions huma ċari u hija dik il union rikonoxxuta li tgawdi l-maġġoranza tal-membri biss li tista’ tintervjeni u tinnegozja fuq materji kollettivi u tieħu azzjonijiet industrijali, li jinkludu d-direttivi, meta tħoss li d-diskussjoni mal-mejda tan-negozjati ma jkunu waslu mkien. Min ma jkunx mal-mejda tan-negozjati kull azzjoni li jieħu tkun aktar ta’ detriment milli ta’ għajnuna fil-proċess.
Għaldaqstant, u minħabba li l-UPE fi ħdan il-Union Ħaddiema Magħqudin Voice of the Workers baqgħet għaddejja bid-direttivi u l-indħil f’materji kollettivi, l-MUT ma kellhiex triq oħra għajr li tippreżenta protest ġudizzjarju fil-konfront tagħhom. Il-protest ġie ppreżentat mill-Avukat Michael Tanti Dougall. Bħalma l-MUT solviet il-kwistjoni dwar it-trasport qabel mal-UPE fi ħdan il-Union Ħaddiema Magħqudin Voice of the Workers tkellmet dwarha, hekk ukoll qed tagħmel dwar il-kwistjoni tal-grupp ta’ LSE2, liema kwistjoni hi ferm iżjed ikkumplikata iżda bir-rieda tajba tiġi solvuta wkoll.
Id-dokument tal-protest jinsab HAWN.