info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Stqarrija: L-MUT tispjega s-sitwazzjoni dwar l-Eżamijiet tal-Malti u l-Matematika – mhix ser tiġi intimidata minn theddid tal-Ministeru

June 3, 2019 at 7:15 pm

Stqarrija: L-MUT tispjega s-sitwazzjoni dwar l-Eżamijiet tal-Malti u l-Matematika – mhix ser tiġi intimidata minn theddid tal-Ministeru

L-MUT tixtieq tagħti l-verżjoni tal-fatti dwar il-kwistjoni li għandha mal-Ministeru għall-Edukazzjoni dwar l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika fl-iskejjel sekondarji. Din mhix kwistjoni li nqalgħet dan l-aħħar iżda l-MUT ġibdet l-attenzjoni tal-Ministeru dwarha sena ilu meta irċeviet informazzjoni konsistenti mill-iskejjel li l-Ministeru kien qiegħed jimmassimizza l-operat billi jinjora klawżola tal-ftehim settorali li tistipula li f’kundizzjonijiet eċċezzjonali biss tista’ tagħti load ta’ lezzjonijiet aktar milli stipulat. Sfortunatament il-kundizzjonijiet eċċezzjonali fil-każ tal-għalliema tal-Malti u tal-Matematika saru in-norma.

Matul is-sajf li għadda il-Ministeru baqa’ jiċħad li dan kien qiegħed iseħħ u saħansitra qal li m’għandux bżonn ta’ aktar għalliema għax ma kien hemm l-ebda nuqqas fl-ebda suġġett u fl-ebda livell. Fl-istess ħin l-MUT kienet qed tirċievi rapporti konsistenti mill-iskejjel li kien hemm nuqqasijiet. Kien biss wara li l-Union ressqet is-sitwazzjoni għall-attenzjoni ta’ kulħadd li saru sforzi sabiex għalliema li ma kienux ġew impjegati matul is-sajf jiġu impjegati sabiex jieħdu klassijiet li kienu ser ikunu mingħajr għalliema. Bla dubju, dan hu immaniġġjar ħażin u eżempju ċar ta’ kif il-Ministeru ma jagħmilx projections dwar il-ħtiġijiet fis-settur.

Minħabba dan, f’Settembru 2018 l-MUT tat direttiva lill-għalliema tal-Malti u l-Matematika dwar l-assessjar inkluż l-eżamijiet. B’responsabbilta’ kbira din id-direttiva ingħatat kmieni ħafna sabiex matul il-ġimgħat ta’ wara jinstabu soluzzjonijiet biex is-sitwazzjoni tiġi indirizzata bla dewmien. Ġara, iżda, li t-taħdidiet dwar din il-kwistjoni kienu minimi u l-Ministeru qatt ma ħa l-kwistjoni bis-serjeta’ tant li pprova jsib soluzzjoni biss lejliet l-eżamjiet ta’ nofs is-sena. Qata’ qalbu tant li qabbad lil xi wħud mhux magħrufa biex jagħmlu l-karti tal-eżamijiet minflok, bil-konsegwenzi li kulħadd jaf liem. Saħansitra kien hemm karti b’mistoqsijiet li m’humiex fis-sillabu jew ma jinħadmux, u oħrajn ikkuppjati mis-snin ta’ qabel. Dan wassal għal iktar inċertezza imma s-soluzzjonijiet baqgħu ma nstabux.

Wara dawn l-eżamijiet, preċizament f’Marzu, l-Union ippreżentat lill-Ministeru sensiela ta’ sbatax-il proposta biex jibda’ jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ għalliema u bil-ghan li tiġi żblukkata s-sitwazzjoni. Ġara, iżda, li għal xhur sħaħ ma sar ebda xogħol fuq dawn il-proposti. Minflok, il-Ministeru baqa’ jagħti direzzjonijiet lill-iskejjel sabiex ikomplu jagħtu lill-għalliema aktar lezzjonijiet milli stipulat u s-sena d-dieħla l-għalliema ta’ dawn is-suġġetti jkomplu bl-istess immassimizzar tax-xogħol. Tajjeb li ngħidu li l-informazzjoni li kienet u għadha qed tasal għand l-MUT tindika b’mod ċar il-kunflitt fid-direzzjonijiet mogħtija li permess tal-immassimizzar qed iwassal sabiex għalliema tal-Malti u l-Matematika jiġu redundant mill-iskejjel rispettivi tagħhom. Tajjeb li ngħidu wkoll li minħabba l-immassimizzar tar-riżorsi li l-iskejjel qed jingħataw id-direzzjoni mill-Ministeru biex jgħaqqdu gruppi ta’ studenti b’abiltajiet differenti fl-istess klassi. Dan huwa disservizz lill-istess studenti u żgur ma jagħmilx ġid lill-edukazzjoni tagħhom.

L-MUT għandha għal qalbha t-tagħlim u l-edukazzjoni tal-istudenti u ma tistax taċċetta sitwazzjoni fejn qed titnaqqas il-kwalita’ tas-servizz frott direzzjonijiet amministrattivi li ma jikkonsidrawx in-natura tal-iskejjel u l-ħtieġa ta’ attenzjoni aktar individwali. L-MUT issemmi wkoll il-bidliet kurrikulari li daħlu fis-seħħ matul din is-sena u li ser ikomplu fis-snin li ġejjin. Dawn jeħtieġu aktar riżorsi u mhux massimizzar tar-riżorsi eżistenti. Tajjeb li ngħidu wkoll li din id-direzzjoni qed twassal sabiex mhux talli mhux qed nattiraw għalliema ġodda lejn is-settur imma talli għalliema iddedikati qed ifittxu impjiegi oħra ghax ma jistgħux ilaħħqu mas-sitwazzjoni stressanti li nħolqot, biż-żieda fost l-oħrajn ta’ burnouts li qed jiġu irrapurtati lill-Union. Minflok ma nstabet soluzzjoni fiż-żmien stipulat, li tista’ tgħid li kien ta’ madwar sena, il-Ministeru issa fl-aħħar ġimgħa qabel l-eżamijiet qed jagħmel pressjoni fuq l-MUT u saħansitra bagħat ittra li tinkludi theddida li ser ikun qiegħed jesponi l-każ quddiem il-pubbliku. L-MUT m’hix ser tiġi intimidata bl-ebda mod u ser tibqa’ l-unika entita’ li taqbeż għall-edukaturi u għal qasam edukattiv. Dan sabiex dak li inkiseb, u li hu tajjeb fis-sistema edukattiva, ma jintilifx minħabba deċiżjonijiet amministrattivi żbaljati li jqisu lill-edukaturi bħala numri billi jikkunsidraw biss il-kalkoli matematiċi f’settur fejn l-aspett uman huwa daqstant essenzjali. L-MUT qed tagħmel dan kollu biex tevita li niġu f’sitwazzjoni fejn l-istudenti mhux biss ma jkollhomx l-eżamijiet imma jispiċċaw minghajr għalliema fil-klassi mhux biss f’dawn is-suġġetti imma f’suġġetti oħra u fil-primarja.

Għaldaqstant l-MUT qed tiddikjara li wara vot unanimu li ttieħed mill-membri effettwati u wara diskussjoni mill-Kunsill tal-MUT, id-direttivi ser jibqgħu fis-seħħ. Dan ifisser li din is-sena l-eżamijiet tal-Malti u Matematika fl-iskejjel sekondarji mhux ser isiru. L-MUT tibqa’ tagħmel pressjoni biex il-Ministeru ma jibqax ikaxkar saqajh u minflok jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiġi indirizzat in-nuqqas serju ta’ ghalliema li kull ma jmur se jibqa’ jiggrava.

Comments are closed.