December 19, 2018 at 10:17 am
L-MUT tirreġistra tilwima industrijali mal-awtoritajiet edukattivi u tas-saħħa – direttivi biex tipproteġi lill-edukaturi dwar l-avviż legali fuq il-konsum tal-ikel fl-iskejjel
Il-Malta Union of Teachers ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat tirċievi informazzjoni mingħand il-membri tagħha rigward l-avviż legali fuq il-konsum tal-ikel fl-iskejjel. Dan daħħal b’mod inaċċettabbli numru ta’ regoli ġodda li lkoll ġew imposti fuq il-qasam edukattiv, b’mod partikolari fuq l-edukaturi. Dawn f’daqqa waħda issa saru, fost l-oħrajn, responsabbli personalment minn deċiżjonijiet mhux fil-kontroll tagħhom u fir-riskju li jaqilgħu multi sostanzjali jekk ma jimxux mal-avviż legali.
Dan l-avviż legali filfatt ibiddel il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-gradi kollha tal-għalliema fl-iskejjel għaliex permezz tiegħu dawn qed jiġu mistennija jagħmlu xogħol ta’ spettorat dwar il-konsum tal-ikel fl-iskejjel, liema xogħol ma joħroġ mill-ebda ftehim li jirregola l-ħidma tal-gradi tal-għalliema. L-edukaturi per eżempju qed ikunu mistennija li jiċċekkjaw il-kontenut tal-ikel li jġibu magħhom it-tfal. Din hija inaċċettabbli u għalhekk hemm bżonn li l-MUT tintervjeni bl-aktar mod attiv sabiex tipproteġi lill-edukaturi minn din is-sitwazzjoni li qed toħloq, u ser toħloq, inġustizzji u anomaliji kbar.
Filwaqt li tisħaq li ma kien hemm l-ebda konsultazzjoni mal-gradi tal-għalliema dwar it-tibdil li ddaħħal permezz tal-avviz legali, l-MUT ssostni li dan l-avviż legali jmur kontra l-prinċipji li fuqha hi bbażata l-edukazzjoni. Dan għaliex:
1) Minflok ma jipprovdi r-riżorsi lill-gradi tal-għalliema sabiex ikomplu jippromwovu l-konsum ta’ ikel li m’huwiex ta’ detriment għas-saħħa, l-avviż legali jipprojbixxi l-konsum ta’ ikel speċifiku bl-aktar mod ripressiv. Kull min ħadem fil-prattika mal-istudenti fil-qasam edukattiv u ma waqafx mat-teoriji jaf li kull meta jintbagħat messaġġ ta’ projbizzjoni, dan iwassal sabiex ikabbar iżjed ix-xewqa tal-individwu, f’dan il-każ l-istudent sabiex ifittex dak li hu projbit.
2) Minflok ma jirrikonoxxi l-ħidma tal-gradi tal-għalliema li għal diversi snin stinkaw sabiex jedukaw l-istudenti dwar l-importanza tal-bilanċ fl-ikel, dan l-avviż legali jinkludi multi li jistgħu jiġu mposti fuq il-gradi tal-għalliema li jibdew minn mitt ewro u jistgħu iwasslu għal €2500 u saħansitra għal proċeduri kriminali jekk ma jsegwux l-istess avviż legali. Dan hu l-grazzi li l-awtoritajiet tas-saħħa qed iwasslu lill-edukaturi u lis-settur edukattiv.
Għaldaqstant l-MUT qed tirreġistra tilwima industrijali mal-awtoritajiet edukattivi u ma’ dawk tas-saħħa u qed toħroġ dawn id-direttivi li qed jidħlu fis-seħħ għall-gradi kollha tal-għalliema inkluż fl-iskejjel kollha. Dawn huma:
1) Ma jikkomunkaw bl-ebda mezz mal-awtoritajiet tas-saħħa u jinjoraw kull komunikazzjoni li jirċievu mill-istess awtoritajiet;
2) Ma jilqgħux viżti u spezzjonijiet fl-iskejjel bħala parti mill-implementazzjoni ta’ dan l-avviż legali;
3) Ma jipparteċipawx fl-ebda inizjattiva mal-awtoritajiet tas-saħħa;
4) Ma jagħmlu l-ebda xogħol ta’ spettorat (iċċekkjar) fuq ikel ikkunsmat mill-istudenti;
5) Jinjoraw u ma jħossuhomx obbligati li jimplimentaw il-lista ta’ ikel li ħarġet mid-direttorati permezz taċ-ċirkulari DLAP268/2018 u DLAP364/2018;
6) Jekk jirċievu multa dwar l-imsemmi avviż legali jgħadduha lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u jinfurmaw lill-MUT.
L-MUT tisħaq li l-gradi tal-għalliema huma mxebbgħin b’deċiżjonijiet li qed jiġu imposti fuqhom kontinwament minn kull settur u mhix ser taċċetta li kull min iqum filgħodu b’ideat brillanti jagħmel dan għad-detriment tal-gradi tal-għalliema u mingħajr l-ebda konsiderazzjoni.
Fl-aħħar nett l-MUT tixtieq tikkonkludi billi tirringrazzja lill-edukaturi tax-xogħol kbir u siewi li jagħmlu sabiex jedukaw lill-istudenti dwar ikel tajjeb għas-saħħa. Il-Union fl-aħħar mill-aħħar hija favur edukazzjoni xierqa dwar is-saħħa li tiġi minn professjonisti li jiġu mitqiesa tali.