April 12, 2019 at 1:56 pm
L-MUT tikkundanna s-sensazzjonaliżmu ta’ aħbar mhux veritiera dwar il-ħidma sfieqa fi ħdan l-iskola medja tal-Kulleġġ San Benedittu
L-MUT tikkundanna l-attentat li sar minn individwi fil-midja soċjali, u aktar tard minn sit onlajn, sabiex jiddiskredita l-ħidma sfieqa mwettqa mill-edukaturi fl-iskola medja tal-Kulleġġ San Benedittu. L-informazzjoni li waslet għand l-MUT b’mod dirett mill-edukaturi f’din l-iskola ma għandha x’taqsam xejn ma’ dak li ġie allegat b’mod anonimu minn xi student jew ġenitur u mis-sit imsemmi. Filwaqt li l-iskop ewlieni tal-edukaturi hu li jedukaw f’kull attività, inkluż waqt casual day, ġie rrapurtat b’mod inkorrett il-mod kif l-edukaturi infurzaw regoli bħalma jiġri f’kull skola u kull attività ohra. Dan sar mingħajr ma saret verifika tal-informazzjoni mal-istess skola.
Ta’ min jinnota li għall-edukaturi ikun ħafna aktar faċli li ma jiġu organizzati l-ebda attivitajiet simili iżda l-valur edukattiv ta’ dawn l-attivitajiet hu ippruvat sew. L-MUT tistieden li min ikollu kontestazzjoni għal dak li jiġri fl-iskejjel sabiex jiddjaloga mal-edukaturi minflok ma jinqeda bi pjattaforma li taf taghmel ħsara kbira lill-ħidma siewja li tkun imwettqa u li xxekkel inizzjattivi li jsiru minn żmien għal żmien fl-iskejjel.