info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
L-MUT tappella lill-Gvern u tagħti ultimatum: Rażżan it-tixrid tal-pandemija b’miżuri konkreti, konsistenti, u b’infurzar

October 12, 2020 at 10:51 am

L-MUT tappella lill-Gvern u tagħti ultimatum: Rażżan it-tixrid tal-pandemija b’miżuri konkreti, konsistenti, u b’infurzar

L-MUT qed tkompli tosserva s-sitwazzjoni tal-pandemija fid-dawl tal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel bid-dħul tal-istudenti li qiegħed iseħħ f’dawn il-jiem. Il-union hija mħassba ferm dwar in-numru ta’ każijiet pożittivi li qed ikunu rrappurtati kuljum. In-numru ta’ każijiet pożittivi f’pajjiżna huwa kbir filwaqt li dan, flimkien mar-rata tat-trasmissjoni fil-komunità, ser iħalli mpatt fuq l-iskejjel. Kif kien mistenni, diġà kien hemm każijiet pożittivi fl-iskejjel. Din is-sitwazzjoni ma tawgurax tajjeb, u fi ftit jiem jista’ jkollna skejjel li ma jkollhomx edukaturi biżżejjed biex jagħtu servizz minħabba ċirkustanzi ta’ leave tal-kwarantina jew tal-mard.

L-MUT tisħaq li hi r-responsabbiltà tal-Gvern li jara li l-iskejjel li fetaħ ikollhom il-miżuri kollha tas-saħħa u s-sigurtà. Il-ftuħ tal-iskejjel jeħtieġ miżuri ta’ rażan u ta’ infurzar. L-isforzi kollha tal-edukaturi, li qed jimplimentaw protokolli tas-saħħa riġidi fl-iskejjel, ser jisfumaw fix-xejn meta l-istudenti jkunu barra mill-iskejjel. Huwa magħruf li l-miżuri meħuda mill-gvern, bħal dawk tad-distanza soċjali, mhux qed jiġu infurzati kullimkien. Dan filwaqt li l-miżuri l-oħra, li għandhom l-għan li jrażżnu t-tixrid tal-virus, huma ftit wisq. Barra minn hekk għad hemm wisq direzzjonjiet kunfliġġenti mill-istess esponenti tal-gvern.

Fid-dawl ta’ dan, l-MUT qed terġa’ tappella lill-Gvern sabiex jibgħat messaġġi ċari, jieħu miżuri ġodda li jrażżnu t-tixrid tal-virus filwaqt li jżid iI-miżuri tal-infurzar. L-MUT qegħdha tagħti ultimatum lill-Gvern sa nhar il-Ħamis 15 ta’ Ottubru sabiex jieħu l-miżuri mitluba. Sadanittant l-MUT ser tkun qed tħabbar sett ta’ direttivi li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi.

Comments are closed.