info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Is-saħħa tinstab fl-għaqda – messaġġ f’għeluq il-mija u sentejn mit-twaqqif tal-Malta Union of Teachers

November 22, 2021 at 12:03 pm

Is-saħħa tinstab fl-għaqda – messaġġ f’għeluq il-mija u sentejn mit-twaqqif tal-Malta Union of Teachers

Il-Malta Union of Teachers illum qed tfakkar l-anniversarju tal-mija u sentejn mit-twaqqif tagħha, li jaħbat fit-22 ta’ Novembru. F’din l-okkażjoni, bħala union, qegħdin nieħdu l-opportunità sabiex nixtarru dwar dak li jtina l-vuċi u s-saħħa sabiex nitkellmu f’isem l-edukaturi kollegi tagħna. Din ir-raġuni hija l-għaqda. 

L-uffiċjali qiegħdu bukkett fjuri fuq il-monument tal-MUT fil-Mall, il-Furjana.

L-għaqda bejn il-kollegi hija essenzjali f’kull post tax-xogħol, u m’għandhiex titqies bħala xi ħaġa remota li noħolmu biha darba kultant. Bl-għaqda nistgħu niffaċċjaw l-isfidi u nevitaw il-firda, li hija ta’ detriment kbir u li ttellef bil-bosta l-għanijiet, il-ħidma u l-vuċi tal-union. 

L-għaqda mhijiex x’ser nakkwista jien personalment għad-detriment ta’ ħaddieħor, imma kif ser nimxu ‘l quddiem ilkoll flimkien. L-għaqda mhijiex x’ser nieħu lura għal dak li ninvesti fil-ħlas tal-membership, imma s-solidarjetà li biha naf li hemm kollegi li sabu spalla fl-aktar mumenti diffiċli tagħhom. Bl-għaqda ħloqna opportunità li biha nistgħu npoġġu fuq l-istess mejda ma’ min jimpjegana u jkollna vuċi soda li biha niddiskutu u ninnegozjaw. Bl-għaqda, fejn hemm il-bżonn, niġġieldu għal kawżi importanti u nopponu deċiżjonijiet li nqisu li huma ħżiena. 

Dan kollu, għalkemm ħafna drabi ma jiġix irrappurtat pubblikament, isir ta’ kuljum mill-MUT. L-isfidi din is-sena ma naqsux. Kienet sena impenjattiva fuq diversi fronti. Bdejna s-sena b’azzjonijiet industrijali u kellna numru kbir ta’ sfidi matul is-sena. Uħud minnhom kienu relatati mal-pandemija, fejn għad hemm numru ta’ issues li l-MUT qed taħdem fuqhom kemm fl-immedjat u anki fit-tul. Sfidi oħra huma dawk dwar il-futur tal-qasam edukattiv, x’qiegħed isir (u x’mhuwiex qiegħed isir) u ‘l fejn sejjer is-settur. Sfida oħra kbira huwa l-irwol tal-edukatur f’dan kollu, ħalli mhux talli ma jkunx qisu qasba tixxejjer mar-riħ tal-konvenjenza, imma jkun strumentali li jispira u juri t-triq. Mingħajr l-għaqda u vuċi waħda soda dan kollu ma jistax iseħħ. 

Dawk li ġew qabilna ħolqu din l-għaqda u semmewha Malta Union of Teachers. Dan huwa dak li nfakkru fl-anniversarju kull sena. Infakkru l-għaqda li biha l-edukaturi kellhom vuċi u spalla warajhom permezz ta’ union li matul iż-żmien serviet bħala, u ser tkompli tkun, il-vuċi u r-rappreżentant ewlieni tal-edukaturi. Minn tilwim industrijali sa ftehimiet kollettivi u settorjali, l-MUT dejjem hemm għall-membri. Fadal ħafna xi jsir, iżda bl-għajnuna ta’ kulħadd inkomplu naħdmu b’ħeġġa u determinazzjoni. 

Minn qiegħ qalbna nirringrazzjawkom tas-sapport kollu li ttuna sabiex flimkien inkomplu ngawdu l-frott ta’ din l-għaqda. 

Tislijiet

Marco Bonnici – President

Elaine Germani – Viċi President Anzjan

Claudette Mintoff – Viċi President

Christopher Vella – Assistent Segretarju Ġenerali

Comments are closed.