May 17, 2024 at 10:59 am
“Għamlu ftehim minn wara daharna” – Il-gradi tekniċi fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja
Hekk kif sar magħruf li l-gvern għamel ftehim dwar numru ta’ gradi u li magħhom inkluda l-gradi tekniċi fl-iskejjel, il-membri li tkellmu mal-MUT huma ddiżappuntati u rrabjati li saru jafu bil-ftehim mill-media meta ġie ffirmat u sal-lum ma għandhom l-ebda informazzjoni dwar x’fih il-ftehim. Il-membri stqarrew li b’dan il-ftehim ma jafux jekk hux ser jinbidlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, għall-aħjar jew għall-agħar. Sostnew ukoll li dan il-ftehim sar minn wara daharhom u ħadd ma kkonsulta magħhom dwar in-negozjati jew inkella dwar l-istess ftehim. Il-gradi tekniċi fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja jinsabu fil-għama dwar il-futur tagħhom hekk kif dan il-ftehim, bħal ħafna oħrajn, jidher li se jibqa’ sigriet. Infatti sal-lum ħadd għadu ma jaf x’fih il-ftehim li ġie ffirmat din il-ġimgħa waqt l-Expo tas-Servizz Pubbliku. L-MUT ser tlaqqa’ lill-gradi tekniċi fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja nhar l-Erbgħa 22 ta’ Mejju fl-4.00 ta’ waranofsinhar. Il-gradi tekniċi huma mistiedna sabiex jirreġistraw għal din il-laqgħa li ser issir online. Irreġistra hawn.