May 3, 2019 at 9:01 am
Forum Unions Maltin jiddiskuti l-qasam tax-xogħol ma’ Kandidati għall-Parlament Ewropew
Il-Forum Unions Maltin ilbieraħ il-Ħamis 2 ta’ Mejju iddiskutiet l-isfidi fil-qasam tax-xogħol u kif dawn jolqtu lill-ħaddiem f’attivita’ li fiha kienu mistiedna sitt kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Fl-introduzzjoni, il-President tal-Forum Marco Bonnici semma diversi sfidi u wegħdiet politiċi li għandhom ikunu prijorita’ fis-snin li ġejjin, fosthom il-wegħda elettorali li s-sick leave jkun jista’ jintuża’ wkoll f’każ li ħaddiem ikollu xi qraba ma jifilħux. Semma wkoll aspetti oħra fosthom il-leave tal-paternita’, il-bilanċ bejn l-impjieg u l-familja u l-kumpens għall-btajjel li jaħbtu matul il-weekends.
Is-Sur Bonnici qal li “bħala konfederazzjoni li nirrappreżentaw numru ta’ Unions ta’ professjonisti konna l-ewwel organizzazzjoni li tkellimna fuq il-ħtieġa li x-xogħol ma jibqax jestendi bla limitu fuq il-ħajja familjari. It-teknoloġija għenet l-impjiegi iżda daħħlitna lkoll f’nassa fejn ix-xogħol sar la għandu bidu u lanqas tmiem, la għandu Ħdud u lanqas festi. Platforms diġitali li jibqgħu jiffunzjonaw barra l-ħin tax-xogħol, inkluż l-emails, qed iwasslu sabiex impjegati jibqgħu għaddejjin bil-ħidma barra mill-ħinijiet tax-xogħol bir-riżultat li l-livell ta’ stress ikompli jikber, l-impjegat ibati u jonqos mid-doveri familjari.”
Fid-dibattitu innifsu ġew diskussi numru ta’ suġġetti, fosthom il-bilanċ bejn il-ħaddiem u min iħaddem, il-bżonn tas-snajja li dejjem qegħdin jintilfu u l-gender pay gap fejn għadna f’sitwazzjoni fejn mara li tagħmel l-istess xogħol f’ħafna każi titħallas inqas minn raġel. Kienu diskussi wkoll l-għoli tal-ħajja, li dejjem qegħdha tiżdied filwaqt li l-pagi tal-ħaddiema m’humiex jiżdiedu bl-istess rata, u kif ukoll id-diġitazzjoni, l-automation u l-platform economies li qegħdin dejjem inaqqru mill-oportunitajiet u drittijiet ta’ ħafna ħaddiema. Dwar l-involviment tal-imsieħba soċjali fil-Parlament Ewropew, il-Viċi President tal-Forum Chris Attard f’wieħed mill-interventi tiegħu għamel appell lill-kandidati sabiex jaħdmu flimkien u mal-imsieħba soċjali ħalli jiżguraw li dan l-involviment ikompli jissaħħaħ kontra l-attentati kontinwi li qed isiru biex dawn id-diskussjonijiet u konsultazzjonijiet jiddgħajfu.
Fid-diskussjoni pparteċipaw il-kandidati Anthony Buttigieg (PD), Mina Tolu (AD), Miriam Dalli (PL), Frank Psaila (PN), Alex Agius Saliba (PL), Roselyn Borg Knight (PN) u Chris Attard f’isem For.U.M.. Il-moderatur kienet Dr. Anna Borg. Fil-konklużjoni tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-For.U.M. Colin Galea irringrazzja kemm lill-kandidati u anki lill-udjenza tad-dibattitu interessanti.
L-MUT hija membru affiljat fil-Forum Unions Maltin.