info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Aġġornament u pożizzjoni dwar it-tilqim tal-edukaturi u staff tal-iskejjel

February 23, 2021 at 2:17 pm

Aġġornament u pożizzjoni dwar it-tilqim tal-edukaturi u staff tal-iskejjel

L-MUT hija infurmata li l-programm tal-awtoritajiet tas-saħħa għat-tilqim tal-edukaturi u staff tal-iskejjel miexi b’ħeffa u din il-ġimgħa ser ikun hemm l-ewwel gruppi li ser jieħdu l-vaċċin. Dan jawgura tajjeb għas-saħħa, kemm tal-edukaturi u dawk li jiġu f’kuntatt magħhom, u għall-komunità kollha. L-MUT qed issegwi l-proċess mill-qrib u qed tgħin bl-aħjar mod possibbli f’dan ir-rigward. Ilbieraħ l-MUT solviet b’suċċess mal-awtoritajiet tas-saħħa l-issue dwar edukaturi Għawdxin li ntalbu jmorru Malta għall-vaċċin. Aġġornament tal-appuntamenti issa qed jintbagħtu sabiex dawn jitlaqqmu f’Għawdex.

Infakkrukom li sa mill-bidu tal-pandemija, l-MUT dejjem ibbażat id-deċiżjonijiet tagħha skont pariri ta’ esperti mediċi lokali u internazzjonali mill-qasam tas-saħħa. Kien b’dawn il-pariri li tlabna li jingħalqu l-iskejjel f’Marzu tal-2020, li jkun hemm posponiment tal-ftuħ tal-iskejjel f’Settembru tal-2020, u anki li mmorru għal tagħlim online għal dawk il-jumejn wara l-btajjel tal-Milied li wasslu għall-istrajk. Bl-istess mod, l-MUT qed tibbaża d-deċiżjoni dwar it-tilqim fuq il-kompetenzi tas-settur tas-saħħa. L-MUT, bħalma tafu, imbuttat sabiex it-tilqim ta’ dawk kollha li jaħdmu fl-iskejjel ikollhom prijorità u r-riżultat huwa li l-proċess diġà beda. Wara talba mill-union, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika dejjem ikkonfermat li m’hemm l-ebda differenza bejn il-programm ta’ vaċċinazzjoni tal-edukaturi u l-istaff tal-iskejjel, u persuni oħra li qegħdin jitlaqqmu bħalissa. Il-programm ta’ vaċċinazzjoni huwa wieħed u li jaffettwa lill-popolazzjoni kollha, kemm edukaturi u persuni oħra li jaħdmu fl-iskejjel, dawk vulnerabbli u l-pubbliku ġenerali.

L-MUT tagħmilha ċara li tafda fl-esperti mediċi li jiddeċiedu liema vaċċin għandu jingħata u lil min. Sakemm l-MUT ma jkollhiex parir għall-kuntrarju, bħala union m’għandniex pożizzjoni favur jew kontra l-użu ta’ xi wieħed mill-vaċċini. Min-naħa l-oħra, jekk hemm issues personali l-MUT tħeġġeġ lill-edukaturi u staff tal-iskejjel sabiex dejjem ikellmu lit-tabib tagħhom ħalli jtihom parir u direzzjoni skont il-każ. L-MUT tappella lil kulħadd biex ma naqgħux f’populiżmu u f’għajdut li fl-aħħar mill-aħħar aktar jagħmel ħsara milli ġid.

Comments are closed.