December 3, 2025 at 1:25 pm
Riflessjonijiet u l-ħtieġa ta’ azzjoni – Marco Bonnici
L-inċident li seħħ fi skola sekondarja kmieni din il-ġimgħa xxokkja l-komunità edukattiva kollha u lil hinn. Il-fatti li ssemmew fil-Qorti lbieraħ waqt l-ewwel seduta tas-smigħ tal-każ kontra l-aggressur kienu aktar xokkanti, għax dak li konna qed naħsbu li kien attakk li involva żewġ studenti seta’ involva ħafna aktar, inklużi l-edukaturi. Qed nirreferi kemm għall-elementi ta’ bullying li ssemmew kif ukoll għall-isplussiv likwidu li l-aggressur kien qiegħed iġorr fil-basket tiegħu. Dan mhux ’il bogħod minn sitwazzjonijiet simili f’pajjiżi oħra, fejn saru attakki terroristiċi fl-iskejjel. U dawn il-fatti ġodda jagħtu perspettiva aktar wiesgħa u tqila ta’ dak li seħħ u dak li allaħares qatt seta’ jseħħ.
Kull min hu midħla tal-Iskola Sekondarja Santa Klara (ex Sandhurst) jaf li hi binja sabiħa, miżmuma, bi spazji miftuħa, bi tmexxija soda u b’edukaturi dedikatissimi. L-istudenti li jattendu din l-iskola għandhom kollox, iżda jidher li dan mhux biżżejjed. U l-istess jista’ jingħad għall-maġġoranza tal-iskejjel li għandna f’pajjiżna. Iżda l-kollox tagħna jista’ ma jkun kollox xejn. Il-kollox tagħna mhux qed jindirizza l-weġgħat ta’ xi wħud. Il-kollox tagħna mhux qed jgħin lil xi studenti sabiex jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom b’mod san. Il-kollox tagħna mhux qed jindirizza l-esklużjoni ta’ xi wħud. Il-kollox tagħna mhux qed iwassal għal aktar integrazzjoni u rispett. Il-kollox tagħna għal xi studenti mhu kollox xejn.
L-iskejjel u l-edukaturi minn dejjem kellhom jaqdfu kontra l-mewġ, u xi kultant jinġarru minnu wkoll. L-influwenza tal-iskola fuq l-istudenti hi minima, imqabbla mal-influwenza li l-istudenti jieħdu mid-dar u minn barra l-iskola. Iżda l-influwenzi kollha, ġejjin minn fejn ġejjin, jinġiebu l-iskola. U għaldaqstant l-iskola ma għadhiex il-post tat-tagħlim li jindirizza dak li jiġri fis-sigħat li l-istudenti jkunu qed jattendu, iżda trid tindirizza dak kollu li l-istudenti jġibu minn barra. U dak li qed jinġieb minn barra qed ikun tqil, qed ikun iebes, mhu qed iħalli spazju għal xejn aktar. Għaliex il-bniedem jimxi bil-prijoritajiet, u jekk ikolli darsa tuġagħni jista’ jkolli kollox għax il-prijorità hi d-darsa. U d-darsa ta’ ċerti studenti mhi darsa xejn iżda hi wġigħ kontinwu, hi biża’, hi esklużjoni, hi ribelljoni u hi rabja. F’dinja mgħaġġla fejn ħadd ma għandu ħin għal ħadd, fejn il-komunikazzjoni wiċċ imb wiċċ naqset, fejn tikkomunika aktar mal-magni teknoloġiċi milli ma’ min għandek ħdejk, fejn l-istess magni u min hemm warajhom jagħżlu dak li inti tixtieq tara, u fejn il-ħażin hu rampanti, ma nistgħux nistagħġbu meta nesperjenzaw sitwazzjonijiet estremi. Għaliex jekk inti dilettant tas-sħab, it-teknoloġija se tibbumbardjak bl-informazzjoni dwar is-sħab u tibda toħlom bih. Iżda jekk inti dilettant tal-ħażen x’se turik it-teknoloġija?
Issemma wkoll il-bullying fil-linja tad-difiża fil-Qorti. Kemm se ndumu nipproteġu lill-bully f’dan il-pajjiż? Mhux talli nipproteġuh, talli magħmluh alla tagħna u nsejħulu “l-king”! U kull fejn inħarsu fis-soċjetà naraw dawn l-allat, li mill-politiku sal-inqas wieħed minna jħares ’il fuq lejhom bħala d-divinità fostna. Imbagħad nistagħġbu għax insibu l-bullying fl-iskejjel. U fl-istess skejjel u l-postijiet tax-xogħol insibu l-bullying fost l-adulti wkoll. U x’inhu l-messaġġ li qed nagħtu? Li l-bully ħadd ma jista’ għalih, u għalhekk aħjar jekk insir bully jien ukoll! Imbagħad insibu s-servizzi tal-anti-bullying fl-iskejjel, li qed jagħmlu xogħol imprezzabbli u li iżda ma jistgħux ilaħħqu mal-każijiet sforz in-nuqqas ta’ riżorsi umani. U jekk titkellem mal-professjonisti fl-iskejjel jgħidulek li jitolbu l-għajnuna u ma jsibuhiex.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħabbar it-tnedija ta’ grupp ta’ azzjoni dwar dan il-każ, li jinkludi l-preżenza tal-MUT. Aħna tlabna wkoll li jiġi rivedut il-protokol tas-sigurtà fl-iskejjel hekk kif imsemmi fil-ftehim settorali. Biżżejjed? Żgur li le. Għandna soluzzjoni waħda li ssolvi din il-problema li bdejna niffaċċjaw? Ma għandniex u ħadd mhu ser isibha. Li għandna hu sens ta’ kundanna qawwija għal dak li ġara, sapport għall-edukaturi u l-istudenti u r-rieda li bil-ħidma tagħna lkoll flimkien naraw skejjel aħjar, soċjetà aħjar u pajjiż aħjar. Waħedna bħala settur edukattiv ma nistgħux naslu. Jeħtieġ li l-awtoritajiet kollha fil-pajjiż jiġbdu l-ħabel tagħna għaliex din mhix problema tal-iskejjel iżda ta’ soċjetà li tnawret.




