October 8, 2021 at 11:10 am
Ilment quddiem il-Gvern ċentrali dwar deċiżjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien u l-aġir tas-Sindku tal-lokalità
L-MUT ressqet ilment formali quddiem il-Gvern ċentrali, u kif ukoll infurmat lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, dwar aġir inaċċettabbli tas-Sindku ta’ Ħal Tarxien fil-konfront tal-edukaturi li jgħallmu fl-iskejjel fl-istess żona. Dan wara li l-Kunsill Lokali ddeċieda li żona li fiha kien isir parkeġġ mill-edukaturi u ħaddiema oħra tittieħed u minflok il-parkeġġ qed ikun riservat għal min jidhirlu l-istess kunsill. Dan wassal għal problemi kbar għall-edukaturi, li iridu jsibu parkeġġ alternattiv f’żona residenzjali b’inkonvenjent għal kulħadd. Sabiex jassigura li t-tali parkeġġ ma jintużax mill-edukaturi u ħaddiema fl-iskejjel, is-Sindku nnifsu wasal sabiex jisbaħ filgħodu jgħasses il-post u javviċina lill-edukaturi sabiex jgħidulu fejn ipparkjaw.
Dan mhux aċċettabli u l-MUT tikkundanna kull intimidazzjoni fil-konfront tal-edukaturi, tiġi minn fejn tiġi. Il-union issostni li s-Sindku ta’ Ħal Tarxien missu jaf aħjar minflok ma jxekkel il-ħidma tal-edukaturi u l-iskejjel tal-lokalità.