September 9, 2020 at 2:53 pm
Sfreġju minn ħaddiema mqabbda mill-Ministeru waqt it-tbattil tal-klassijiet
L-MUT tiddeplora l-isfreġju li sar minn ħaddiema mqabbda mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol waqt it-tbattil tal-klassijiet li qiegħed isir. L-MUT għandha evidenza ta’ ħsarat kbar li saru lir-riżorsi li jintużaw mill-edukaturi kif ukoll lill-għamara li kienet tintuża fil-klassijiet. Dan wara li ħaddiema daru l-iskejjel matul is-sigħat li għaddew u ġarrew kull ma sabu mill-klassijiet u poġġewhom fi kmamar oħra fl-istess skejjel, fi spazji oħra jew inkella f’postijiet mhux magħrufa barra l-iskola. Dan ifisser li ħafna edukaturi issa m’għandhomx aċċess għar-riżorsi li kienu jużaw fit-tagħlim filwaqt li hu fatt magħruf li kien hemm diversi ħsarat.
L-MUT qed tistenna li l-Ministeru jieħu r-responsabbiltà għal dan l-isfreġju, jintervjeni kif meħtieġ, jagħmel tajjeb għat-telf ta’ dawn ir-riżorsi u jwaqqaf b’mod immedjat dan l-aġir.