info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Stqarrija: Żommu l-impatt fuq it-tagħlim tat-tfal u ż-żgħażagħ quddiem għajnejkom – l-MUT b’appell

August 5, 2020 at 12:54 pm

Stqarrija: Żommu l-impatt fuq it-tagħlim tat-tfal u ż-żgħażagħ quddiem għajnejkom – l-MUT b’appell

Fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-pandemija COVID-19 kif evolviet f’dawn l-aħħar jiem, il-Malta Union of Teachers (MUT) tappella sabiex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà ta’ kull deċiżjoni li tittieħed. Kull azzjoni jaf ikollha impatt fuq it-tagħlim tal-istudenti, partikolarment fuq deċiżjoni kbira bħal dik jekk jiftħux l-iskejjel minn Settembru li ġej. L-MUT qed tagħmel dan l-appell b’responsabbiltà kbira f’isem l-edukaturi. It-traskuraġni, in-nuqqas ta’ ħsieb u t-trijonfaliżmi ta’ xi wħud jafu jħallu impatt enormi fuq it-tagħlim fl-iskejjel fix-xhur li ġejjin. Bħalissa żgur li m’hemmx posthom.

Huwa fatt magħruf li t-tagħlim online ma jista’ qatt jirreplika dak li jsir wiċċ imb wiċċ fil-klassi, kemm il-ħtieġa ta’ kuntatt uman, il-kuntest ta’ kollaborazzjoni u anki bħala qsim t’esperjenzi mal-komunità kollha tal-iskola. Iż-żieda fit-trażmissjoni tal-virus qed tinkwieta lil kulħadd, mhux anqas lill-edukaturi li huma konxji li l-ambjent tal-klassi jeħtieġ kuntatt kontinwu ma’ gruppi kbar ta’ studenti fi spazji ristretti. L-iskejjel ma jixbhu bl-ebda mod lil ambjenti oħra tax-xogħol u miżuri restrittivi li ħadmu f’postijiet bħal ħwienet, uffiċċji u postijiet oħra tax-xogħol ma jistgħux jiġu mħaddma b’suċċess fl-iskejjel.

L-MUT tinnota wkoll li ż-żamma tad-distanza soċjali, l-ilbies tal-maskri u l-iġjene jibqgħu fatturi importantissimi. Dawn jillimitaw it-tixrid tal-virus u issa nafu biżżejjed, permezz tal-attivitajiet tal-massa li ġew irrappurtati, li meta dawn il-miżuri ma ttiħdux it-tixrid tal-virus laħaq livelli allarmanti. Fil-kuntest tal-iskola wieħed jista’ jara fatturi simili ta’ massa ta’ nies fi spazju limitat, fejn għandek mijiet ta’ studenti u edukaturi fi skejjel f’sitwazzjonijiet fejn diffiċli tevita l-kuntatt. L-istess jista’ jingħad għall-maskri u l-iġjene. Il-konsegwenzi jistgħu jkunu kbar, għall-edukaturi, studenti, ġenituri u familjari l-aktar jekk hemm xi ħadd minnhom jew qrib tagħhom vulnerabbli.

Għaldaqstant l-MUT tappella lil kull individwu sabiex jaħseb dwar deċiżjonijiet li jista’ jieħu li jpoġġuh f’riskju ta’ teħid u tixrid tal-virus. Fuq quddiem nett, wara l-persuni vulnerabbli li għandhom riskji serji għal saħħithom, għandu jkun hemm it-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom dritt għall-aqwa esperjenza edukattiva fl-iskola. Niftakru li din l-esperjenza tista’ terġa’ tiġi limitata serjament jekk jibqa’ jkollna din ir-rata tat-tixrid tal-virus.

Fl-aħħar nett huwa biss bl-għaqal ta’ kulħadd u l-ħidma kontinwa tas-servizzi tas-saħħa li nibqgħu bit-tama li għad negħlbu din il-pandemija. Ta’ dan l-MUT tirringrazzja lil kull min qiegħed jagħmel l-almu tiegħu għall-ġid, is-saħħa u l-edukazzjoni tas-soċjetà tagħna.

Comments are closed.