info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Rikonoxximent lejn il-ħaddiema u xi riflessjonijiet mill-Forum Unions Maltin

April 30, 2020 at 12:42 pm

Rikonoxximent lejn il-ħaddiema u xi riflessjonijiet mill-Forum Unions Maltin

Stqarrija tal-1 ta’ Mejju – L-MUT hija membru affiljat tal-Forum Unions Maltin:

Fl-okkażjoni tal-1 ta’ Mejju, il-Forum Unions Maltin jixtieq isellem lill-ħaddiema u l-familji tagħhom matul dawn iż-żminijiet li huma diffiċli ferm għal xi wħud filwaqt li joffru sfidi kbar għal ħafna. F’pajjiżna, fejn ir-riżorsa ewlenija hija l-ħaddiema, kulħadd irid jirrikonoxxi li s-suċċessi li kiseb pajjiżna f’kull qasam f’dawn l-aħħar snin inkisbu permezz tal-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Huma l-istess ħaddiema li ser iwasslu sabiex pajjiżna joħrog minn din is-sitwazzjoni ta’ diffikultà kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u jerġa’ jqum fuq saqajh.

Pajjiżna kien wasal f’ċirkustanza fejn, għal xi wħud, il-ħaddiem ma kienx baqa’ riżorsa importanti u li ta’ min jibża’ għaliha. Theddid tat-tip li “jekk titlaq inġib ħaddiem li jiswieni inqas” smajnieh ukoll filwaqt li kien hemm min aġixxa u wettaq dan. F’ċirkustanza fejn l-impjieg kien jiġri wara l-ħaddiem u mhux bil-kontra, ftit li xejn kienet tittieħed azzjoni għaliex ħaddiem li jitkeċċa kien isib impjieg ieħor fi ftit jiem. B’rata tal-qagħad li kienet minn tal-inqas fl-Ewropa, dawn is-sitwazzjonijiet kienu saru aċċettabbli għal ħafna.

Illum is-sitwazzjoni hi differenti u żviluppat ferm fi ftit gimgħat. Minn sitwazzjoni ta’ surplus ekonomiku ser nispiċċaw b’defiċit qawwi. Il-qagħad qed jiżdied filwaqt li diversi ħaddiema qed jirċievu salarju imnaqqas. Oħrajn qed jgħixu realtà tax-xogħol bla preċedent bil-workload jispara sabiex jilqgħu għall-ħtiġijiet ġodda li ġabet il-pandemija. Oħrajn iridu jinqasmu bejn ix-xogħol u l-familja mingħajr l-għajnuniet li konna imdorrijin bihom. Oħrajn qegħdin jew ser jesperjenzaw sitwazzjoni ta’ faqar.

Nixtiequ nagħmlu referenza għal aspett importanti ferm u li ilu jitqajjem mill-For.U.M. – il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Ir-realtà li wasslet lil ħafna sabiex jaħdmu minn djarhom tat dimensjoni ġdida lill-ħtieġa tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Ix-xogħol mid-dar jista’ jkollu vantaġġi meta jkun il-ħaddiem li jagħżel li jagħmel dan f’kuntest fejn il-ħajja ta’ kuljum tkun waħda normali. Iżda f’kuntest fejn tlifna n-normalità tal-ħajja, ix-xogħol mid-dar joffri sfidi kbar fejn il-ħajja u x-xogħol jidħlu f’xulxin u f’xi waqtiet isiru ħaġa waħda. Fejn il-ħaddiem u min iħaddem ma jħarsux il-ħtieġa li x-xogħol jibda u jieqaf f’ħin stipulat, il-ħaddiem jibqa’ mwaħħal max-xogħol il-ġurnata kollha u f’xi ċirkustanzi anke matul il-lejl. Il-ħtieġa tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja hu essenzjali aktar minn qabel sabiex nevitaw sitwazzjonijiet ta’ eskalazzjoni ta’ problemi, fost l-oħrajn, ta’ saħħa mentali.

Il-messaġġ tal-Forum Unions Maltin hu wieħed ta’ kuraġġ. L-ewwel ħsieb tagħna jmur lejn il-ħaddiema li mardu bil-COVID-19 u l-familji tagħhom, u dawk il-ħaddiema li tilfu x-xogħol. Dawn jeħtieġu s-sapport tagħna lkoll. Il-ħsieb tagħna jmur ukoll għall-ħaddiema li jaħdmu fis-servizzi essenzjali, wħud minnhom imsejħa frontliners, fosthom il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa. Il-ħidma tagħhhom hi apprezzata ferm. Il-futur tal-poplu Malti u Għawdxi jiddependi mill-ħaddiema kollha li flimkien ser jerġgħu jibdew idawru r-rota ekonomika sabiex pajjiżna jerġa’ jkompli miexi fil-linja tas-suċċessi inklużi dawk ekonomiċi miksuba fl-aħħar snin.

Marco Bonnici, President – Forum Unions Maltin
Colin Galea, General Secretary – Forum Unions Maltin

Comments are closed.