June 6, 2019 at 3:39 pm
Stqarrija: Id-direttivi jibqgħu fis-seħħ wara attentat iddisprat mill-Ministeru li jixtri u jifred lill-edukaturi
Wara laqgħa u vot fl-MUT bejn l-għalliema u HODs tal-Malti u Matematika, ġie deċiż u kkonfermat li d-direttivi tal-MUT ser jibqgħu fis-seħħ. Dan wara laqgħat f’dawn l-aħħar jiem bejn il-Ministeru u l-MUT fejn jidher biċ-ċar li l-Ministeru m’huwiex jifhem il-problema u minflok isolviha qiegħed sempliċiment jipprova jgħattiha ta’ malajr.
L-akbar xhieda ta’ dan kollu huwa l-fatt li l-Ministeru ħareġ bi proposta indeċenti li l-prinċipju warajha huwa insult kbir għall-għalliema u degradanti għall-professjonalita’ tal-edukaturi. Il-fatt hu li l-Ministeru offra €3000 ta’ darba lil dawk li għandhom load ta’ 25 lezzjoni biss biex jiġu rtirati d-direttivi, u din toħloq sitwazzjoni ta’ firda bejn l-edukaturi. Din hija biss lixka li ma ssolvi xejn u li toħloq numru ta’ problemi ġodda kieku tiġi aċċettata.
L-MUT tfakkar lill-Ministeru li kull min għandu inqas minn 25 lezzjoni bħalissa għandu responsabbiltajiet oħra u l-problema tal-25 lezzjoni hija biss sintomu tal-problema akuta li għandna fis-settur u li ser twassal sabiex ma jkollniex għalliema biżżejjed fil-klassijiet. B’hekk il-problema tibqa’ waħda kollettiva li taffettwa lil kulħadd u ma tistax tiġi indirizzata billi nixtru lil xi għalliema. Din hija proposta tant diżappuntanti li għall-MUT dan huwa attakk fuq it-trejdjunjoniżmu fejn il-gvern qiegħed jipprova jixtri u jifred lill-edukaturi fil-post tax-xogħol. Il-professjonalita’ tal-għalliema ma tinxtarax u aktar minn hekk m’hijiex askapitu tal-firda u ta’ preċedenti li jaffettwaw kull qbil futur f’dan ir-rigward.
Intant, l-MUT għandha informazzjoni li ser ikun hemm attentat mill-Ministeru biex jagħmlu karti tal-eżami ta’ malajr minn persuni li m’humiex fl-iskejjel kif ġara f’nofs is-sena. Il-Union m’għandhiex fiduċja f’dan il-proċess li ser jirreplika dak li ġara f’nofs is-sena b’eżamijiet ta’ kafkaf u b’disrispett lejn l-għalliema u l-istess studenti u bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu.