info@mut.org.mt   21237815 / 21222663
Id-direttivi tal-Malti u Matematika jibqgħu fis-seħħ wara li l-Ministeru ma ħa l-ebda passi biex tissolva l-problema

May 29, 2019 at 12:12 pm

Id-direttivi tal-Malti u Matematika jibqgħu fis-seħħ wara li l-Ministeru ma ħa l-ebda passi biex tissolva l-problema

L-MUT tinnota li tmien xhur wara li bdew id-direttivi għall-għalliema u HODs tal-Malti u l-Matematika, is-sitwazzjoni mhux talli baqgħet l-istess iżda marret lura. Għalliema ta’ diversi suġġetti, l-aktar tal-Malti u Matematika, ilhom madwar sena jingħataw aktar lezzjonijiet minn kemm indikat fil-ftehim, jiġifieri massimu ta’ 24 lezzjoni u 1 replacement (24+1), u l-indikazzjonijiet juru li għas-sena skolastika li jmiss id-Direttorati ser ikunu qegħdin jibqgħu jimxu bl-istess proċedura. Sena ilu, jiġifieri meta bdew ir-rapporti mill-iskejjel, kien intqal li d-Direttorati kienu ser ikunu qegħdin inaqqsuhom peress li 25 lezzjoni bħala ammont kellu jkun biss f’każijiet eċċezzjonali. Biss aktar minn sena wara dan ma seħħx.

Għalkemm il-Ministeru kemm-il darba sostna li s-sitwazzjonijiet m’humiex kif deskritti mill-MUT, l-informazzjoni mill-iskejjel turi b’mod ċar li l-loads qed ikunu aktar minn kemm suppost. Dan qiegħed iwassal biex jinħolqu diversi problemi li m’humiex aċċettabbli għal dawn l-edukaturi, inkluż il-fatt li hu impossibbli għalihom li jaħdmu fuq ir-riformi li qegħdin jiġu introdotti mill-istess Direttorati. Apparti hekk qegħdin jinħolqu wkoll problemi oħra minħabba, per eżempju, in-nuqqas ta’ flessibiltà bħal fir-replacement tal-lezzjonijiet u attivitajiet li jiffurmaw parti mis-sillabi. Dan biex ma nsemmux li, ovvjament, meta ġġebbed ir-riżorsi umani, dan jeffetwa l-kwalità tal-edukazzjoni pprovduta.

Ta’ min isemmi wkoll li l-MUT fix-xhur li għaddew ma kritikatx u ddefendiet lill-edukaturi biss, iżda għamlet ukoll numru ta’ proposti lill-Ministeru, uħud minnhom immedjati u oħrajn aktar long-term. Dawn jinkludu inċentivi għal għalliema sabiex jibqgħu fis-servizz inkluż dawk li ser jirtiraw u inċentivi għal żgħażagħ sabiex jidħlu fil-professjoni. Sa ftit tal-jiem ilu l-MUT baqgħet tinsisti li jittieħdu dawn il-miżuri konkreti iżda s’issa l-ebda waħda mill-proposti għadha ma ġiet imħaddma mill-Ministeru.

Għaldaqstant, wara laqgħa mal-għalliema u HODs tal-Malti u l-Matematika, ġie deċiż li l-MUT ser tibqa’ bil-pożizzjoni tagħha rigward l-eżamijiet annwali u ser tħalli fis-seħħ id-direttivi li hemm għal dawn il-gradi. Is-Segretarju Permanenti u l-Ministru għall-Edukazzjoni ġew infurmati b’dan kollu u ġew mgħarrfa wkoll dwar ir-rabja kbira li hemm minħabba li fuq naħa l-Ministeru qed jgħidilna li l-problema qed tiġi indirizzata u minn naħa l-oħra l-fatti juru xort’oħra. L-MUT tistenna li l-problema tittieħed bis-serjetà mill-awtoritajiet sabiex tissolva mill-aktar fis għall-benefiċċju ta’ kulħadd.

Comments are closed.